Friday, November 15, 2024

Qatel lil ommu u lil zitu għax issuspetta li kienu qed jitfgħulu xi ħaġa fil-kafè

Jibda l-ġurin dwar il-qtil doppju fil-Għargħur

Aqra wkoll

Beda l-ġurin fil-każ dwar il-qtil doppju li seħħ f’Lulju tal-2018 fil-Għargħur. B’rabta ma’ dan il-każ, Kevin Micallef ta’ 47 sena qed ikun akkużat bil-qtil ta’ ommu Antonia Micallef ta’ 71 sena u zitu Maria Carmela Fenech ta’ 74 sena fir-residenza tagħhom.

Quddiem l-Imħallef Consuelo Scerri Herrera, it-Tlieta filgħodu, skatta l-proċess tal-ġurin, sabiex ikun stabbilit jekk l-akkużat kienx fi stat ta’ ġenn fil-mument li allegatament wettaq id-delitt.

L-Ispettur Kurt Zahra, li kien investiga dan il-każ, qal li l-pulizija kienu rċevew telefonata li fiha raġel instema’ jgħid li ma “felaħhomx aktar” u li “kien qatel lil zitu u lil ommu.”

Qal li l-aħħar kliem li lissnet ommu qabel mietet kienu li binha “qatilhom.” Min-naħa l-oħra, iz-zija tal-imputat kienet iddikjarat mejta fuq il-post.

L-Ispettur Zahra qal li huwa kien sab lil Maria Carmela Fenech mixħuta mal-art wiċċa ‘l fuq f’għadira demm. Qal li meta wasal fuq ix-xena tad-delitt, sab iż-żona priservata u l-maġistrat inkwerenti li kien qed imexxi l-inkjesta.

Kien is-suspettat innifsu li ħalla l-pulizija jidħlu fir-residenza. L-espert mediku legali Mario Scerri, kien informa lill-Ispettur Zahra li omm is-suspettatt kienet qaltlu li kien binha li “attakkahom.” Hija lissnet dan il-kliem qabel ittieħdet lejn l-Isptar fejn hemm sfortunatament tilfet ħajjitha.

Mill-istqarrija tiegħu lill-pulizija, Micallef iddeskriva r-relazzjoni ma’ ommu u zitu bħala waħda li ma kinitx daqstant tajba. “Kont qed inkun dejjem għajjien,” qalilhom Micallef.

Huwa kompla jgħid li beda jissuspetta li ommu u zitu kienu qegħdin jitfgħulu xi ħaġa fil-kafè. Fil-ġurnata qabel seħħ id-delitt, huwa ma kienx xorob il-kafè d-dar, għax beża’ jagħmel dan.

Qal li l-għada, waqt li kien qed jieħu l-kafè għall-ħabta tal-5.30 a.m. fil-kċina, sema’ lil zitu titkellem ma’ ommu fil-washroom u tgħidilha: “Taħseb li nduna?”. Micallef qal bejnu u bejn ruħu: “dawn żgur li kienu se joqtluni.”

Qal li kien dak il-ħin li qabad sikkina mill-kċina u ħebb għal zitu. Meta rat hekk ommu nfaqgħet tibki. Zahra kien mistoqsi jekk ommu provatx tintervjeni b’xi mod biex twaqqfu iżda huwa wieġeb li le.

Qal li waqt li kienet qiegħda tibki, huwa allegatament dar fuqha u taha wkoll daqqiet ta’ sikkina. “Kont ili x-xhur, immur niġġogja u nieqaf darbtejn,” spjega Micallef waqt l-interrogazzjoni.

Mistoqsi kemm-il darba ta bis-sikkina lil ommu, huwa qal li ma kellu “l-ebda idea.” Wara l-attakk, kien hu stess li ċempel lill-pulizija u għal ambulanza. Huwa wkoll ftakar fejn kien poġġa l-arma li allegatament intużat fid-delitt, jiġifieri fuq il-mejda fil-bitħa.

Micallef qal ukoll li qabel dan l-inċident, ma kien hemm l-ebda ġlied fiżiku ieħor ma’ ommu u zitu, li kienu ilhom jgħixu fid-dar tal-familja tagħhom għal madwar għaxar snin.

Jgħid li r-relazzjoni ma’ ommu kienet “xi drabi tajba, u xi kultant ħażina,” filwaqt li spjega kif hija kienet tindaħal kull meta kien jipprova jkollu relazzjoni ma’ mara. “Riditni nibqa’ d-dar,” l-akkużat kien qal lill-pulizija.

Il-ġurin ikompli.

L-Avukat Francois Dalli qed jidher għall-akkużat.

Ekonomija

Sport