Thursday, October 10, 2024

“Qatt daqs illum il-Kanzunetta Maltija ma kienet daqstant iċċelebrata u meqjuma”

Aqra wkoll

Is-sena li għaddiet Mużika Mużika rritorna wara bosta snin ta’ nuqqas fix-xena mużikali lokali, fejn ħalla l-marka tiegħu fil-kalendarju tat-telespettaturi u l-artisti li għandhom għal qalbhom il-mużika Maltija. 

Ilbieraħ ingħata bidu għat-tieni edizzjoni ta’ dan il-festival u bosta kien dawk li kellhom kliem ta’ tifħir għal dan l-ispettaklu fejn tassew spikka t-talent Malti.

Fost dawk li kkummentaw kien hemm iċ-Chairman tal-Aġenzija Kulturali tal-Belt Valletta Jason Micallef li qal li qatt daqs illum il-Kanzunetta Maltija ma kienet daqstant iċċelebrata, u meqjuma, daqs fl-aħħar sentejn, grazzi għal Mużika Mużika. 

“Il-livelli li rnexxielna nilħqu permezz ta’ Mużika Mużika huma bla preċedent f’pajjiżna. Tant, li dan il-festival illum meqjus ewlieni minn oħrajn li jiġu organizzati matul is-sena,” qal Micallef

Oħrajn faħħru l-fatt li dan il-festival jagħti daqstant importanza għal-lingwa Maltija, xi ħaġa li għandna tassew inkunu kburin biha. 

Dwar dan, tkellem ukoll is-Sindku tal-Mellieħa Dario Vella fejn qal: “Kif tista’ ma tkunx kburi bit-talent Malti. Ilbieraħ assistejna għal Festival fl-ogħla livell tal-Kanzunetta Maltija. Prosit u grazzi lil kull min kellu x’jaqsam biex qed nagħtu spazju lil Lingwa Maltija u t-talent lokali.”

Mużika Mużika jkompli llejla, fejn inkunu nafu min huma l-finalisti wara l-Lejla tal-Klassiċi, u l-finali se jsir għada.

Mużika Mużika huwa organizzat minn Festivals Malta, taħt id-direzzjoni artistika tal-Maestro Paul Abela, u bis-sapport tal-Ministeru tal-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali. 

Sport