“Qatt ma ġejt hawn. Jidher antik dan il-post Vic. Għal xhiex kien jintuża dan?”. Din kienet il-mistoqsija li għamlitli Marija, persuna nieqsa mid-dawl meta daħlet għall-ewwel darba fil-binja magħrufa bħala l-Kulleġġ fir-Rabat. Binja antika li tmur lura għal żmien il-Kavallieri u li llum tintuża bħala mużew. Nistqarr li d-domanda li għamlitli Maria ħasditni biha. Kif għamlitli d-domanda moħħi mill-ewwel qalli kif taf li hu antik jekk qatt ma ġiet hawn u nieqsa mid-dawl? Lil Maria staqsejtha, kif indunat li dik binja antika? Twieġeb mill-ewwel. “Mill-art. Il-bastun qiegħed jeħel fit-toroq. L-art ċangaturi antiki. Mhux faċli għalina nimxu fuqu għax il-bastun jibda jeħel fit-toqob fl-art” weġbitni Maria.
Maria kienet akkumpanjata minn Stephen li hu ukoll hu nieqes mid-dawl. It-tnejn li huma riedu li jesperjenzaw dak li joffri dan il-mużew. Dan seta’ jsir billi jmissu xi esebiti u jingħataw spjegazzjoni dwarhom. Flimkien ma’ Peter Paul Ciantar daħħalnihom f’kamra b’għadd ta’ esebiti u hemmhekk Peter spjegalhom x’kien il-Katallett. Ma naqasx li Stephen u Maria, imissuhom u b’hekk setgħu jieħdu indikazzjoni ta’ għaliex kienet isservi dik il-ħaġa. Minkejja in-nuqqas ta’ dawl, Marija bi ftit għajnuna fejn iggwidajniha u Stephen iżomm magħha, daru l-parti ta’ isfel tal-mużew.
Kif semmejtilhom li fil-mużew hemm kollezzjoni ta’ skulturi ta’ l-iskultur Rabti Anton Agius, Stephen jgħidli “aħna inpinġu. Nieħu pjaċir ħafna”. Fil-pront Marija tgħidli “jien l-ewwel mara nieqsa bid-dawl f’Malta li bdejt inpinġi”.
“Viċ jien Marija ħajritni. Ippruvajt. Bdejt nieħu interess. Sibtha xi ħaġa sabiħa.”
Maria tgħidli li “jien qatt ma kont inpinġi. Kienu ħajruni. Jien persuna li qatt ma ngħid le. Dejjem ngħid nipprova. Ippruvajt u irnexxieli fit-tpinġija. Jien kont l-ewwel Maltija nieqsa mid-dawl li inpinġi. Ngħid li qatt m’għandek taqta qalbek. Ngħid li għandek dejjem tipprova”.
U Marija ddur lejja u tgħidli u tgħdli “anke poezji nikteb. Għadni kif ktibt waħda m’ilux.” Ngħidilha jekk tiftakarhiex bl-ammont. Qaltli “niftakarha. It-titlu tagħha hu ‘Xejn mhu mudlam”.
‘Xejn mhu mudlam, Xejn mhu skur jew ikkulurit, La iswed, blu jew abjad, ir-riġ tat-Tramuntana jonfoħ u r-ragħad hu fil-bogħod, l-imħabba hi dejjem bżonn”.
Il-problema mhux in-nuqqas ta’ dawl…
imma s-segregazzjoni tagħhom minn ħaddieħor
Ma’ Stephen u ma’ Maria qattajna in-nofs ta’ nhar ta’ filgħodu. Smajna minn fommhom stess il-problemi. Żewġ persuni li huma indipendenti għall-aħħar minkejja li neqsin mid-dawl. Tifhem li mhux faċli jniżżluk minn karozza u mbagħad trid tidħol f’binja, meta inti nieqes mid-dawl. Imma Maria, tgħidlek biex iżżomm miegħek sakemm titla’ l-ewwel tarġiet u magħha imbagħad iżomm Stephen. Maria tuża l-bastun biex tkun ċerta li m’hemm xejn ta’ xkiel fin-nofs.
Fil-post is-sitwazzjoni kienet pjuttost faċli għax xkiel ma kienx hemm. Imma fir-realtà dawn il-persuni fit-toroq isibu xkiel kbar u b’mod regolari. Jispjegawlek il-bankini xejn tabin li hawn f’ċerti postijiet. Rampi tal-garaxxijiet li ġieli xejn ma kunu tajbin. Arbli tad-dawl jew tabelli f’nofs il-bankini. Agħar minn hekk, tkun miexi fuq xi bankini u bil-bastun jindikalek it-triq ikun jidder li kollox sew. Imma fl-għoli issib xi ħarġa ħierġa għan-nofs bħal friegħi ta’ siġar u li għal dawn il-persuni huma ta’ periklu.
Stephen Mizzi jitkellem b’mod ċar ħafna dwar problemi li jsibu dawn il-persuni. Il-ħmieġ tal-klieb fuq il-bankini. Forsi tgħidli imma dan kien jaffettwaħhom. Ma ntikx tort taħseb hekk, għax dak kien l-ewwel ħsieb li għadda minn minn moħħi. Stephen jispjegalek mill-ewwel kif jintlaqtu b’mod ħażin b’dan. Jgħidlek li “għejjejt nagħlaq il-bastun u nispiċċa bil-ħmieġ tal-klieb ma’ idi”.
Il-fatt li Maria u Stephen inġabu u ddawwru ma’ mużew u kellhom ċans jitkellmu u jissoċjalizzaw ma’ persuni preżenti, tahom esperjenza pożittiva immens. Fi kliemhom stess, ‘kemm ħadna gost’. “Nerġgħu niġu”. ‘Darba oħra inġibu l-arti tagħna ħalli tarawha u anke tesebuha jekk tridu”, qaltilna Maria.
In-nofs ta’ nhar li qattgħu fil-binja ħareġ biċ-ċar li l-problema għall-persuni neqsin mid-dawl mhix il-fatt li m’għandomx vista. Dan għax huma kapaċi jadattaw u żvilupp mod ta’ kif ikunu kemm jista’ jkun indipendenti. Jekk għalina hu importanti l-viżwal għax naraw, għalihom hu importanti li jmissu l-esebit. Li jħossu. Il-problema għalihom hi s-segregazzjoni tagħhom minn ħaddieħor. Ħafna jħossuhom priġunieri f’darhom. Is-solitudni fost dawn in-nies hi l-aktar waħda li żżommhom lura. L-istess kif il-fatt li ħafna ma jifhmux il-bżonnijiet ta’ dawn in-nies.
“Diffiċli nsibu xogħol….għaliex aħna esklużi? X’ġustizzja soċjali hi din?”
U meta titkellem magħhom fuq ix-xogħol, toħroġ il-weġgħa. Toħroġ dik id-diqa ta’ xi ħadd li jrid jaħdem, jixtieq jikkontribwixxi. Imma dejjem sab u qed isib bibien magħluqin. “Għandna l-liġi biex il-postijiet tax-xogħol iħaddmu 2 fil-mija tal-ħaddiema tagħhom li jkunu persuzi b’diżabilità. Aħna li neqsin mid-dawl, dejjem esklużi. Ma jħaddmuniniex. Il-mistoqsija tiegħi hi għaliex?”, qalilna wieħed minn dawn il-persuni li tkellem magħna.
Persuna nieqsa mid-dawl għandu certu nuqqasijiet b’mod partikolari biex jidħol fid-dinja tax-xogħol. Għandna l-għaqda tagħna li permezz tagħha ġew impjegati diversi persuni neqsin mid-dawl. Dawn jaraw dak li hu prattiku u naturali għall-persuni neqsin mid-dawl u jimplimentaw proġetti pilota.
Noel Farrugia, magħruf għall-ħidma tiegħu b’risq il-persuni neqsin mid-dawl, meta kkummenta ma’ IT-TORĊA qalilna li pajjiżna jrid iħares aktar l-isfidi kurrenti tal-post tax-xogħol lil hinn mid-dawl. Qal li “l-V.O Visual Non-Visual Network varat laqgħat mal-Union dwar dawn l-isfidi. Ukoll ħejjiet il-Kulleġġ Mediteranju lil hin mid-dawl li jaħseb primarjament biex f’kull livell tal-ħajja, l-bniedem li maħluq biex jara u jgawdi l-vista biex jiżviluppa l-intelliġenza tiegħu, ikun aktar konxju tal-ħajja lil hinn minn dawl li jgħix fiha l-bnidem għama. Il-Kulleġġ jaħseb ukoll biex iħarreġ ukoll li l-għomja f’ħiliet varji sabiex ikomplu jgawdu d-dinja tax-xogħol u kwalità ta’ ħajja indipendenti bħal bqijja tal-membri tas-soċjetà Maltija.”
Noel Farrugia stqarr li l-awtoritajiet mill-Kabinett l-isfel, jridu jifmhu li s-sura tal-bniedem maħluqa biex tara, irrispettivament tkunx b’diżabiltà jew le. Għalhekk l-isfida ta’ ħajja lil hin mid-dawl ma tistax tkun marbuta ma’ sistemi li huma bbażati fuq kultura viżiva.
Noel Farrugia qal li biex imexxi dan l-istat ta’ fatt vara l-proġett ‘Malta lil hinn mid-dawl”. Dan hu proġett li jmexxi ‘lquddien kultura ta’ ħajja lil hinn mid-dawl fil-gżejjer tagħna. Spjega kif illum l-Visual Non Visual Network qed imexxi b’suċċess il-kunċett ‘Meet n Greet Compliments”. Dan jaħseb biex is-servizzi f’pajjiżna bħas-saħħa, catering, securities, segretarji eżekuttivi u ħaddiema tal-Gvernijiet lokali u taċ-ċivil, xufiera ta’ taxis, uffiċjali pubbliċi, lukandi u oħrajn ikollhom aktar konoxxenza tar-realtà tal-ħajja li hinn mid-dawl biex l-għomja jgawdu aktar kwalità ta’ ħajja attiva indipendenti u rispett aktar mis-soċjetà li tgawdi l-vista.
Noel Farrugia appella lil Prim Ministru Robert Abela biex jħejji laqgħa mal-Membri tal-Kabinett ħalli r-realta straordinarja ta’ ħajja lil hinn mid-dawl, tibda tgawdi l-benefiċċju ta’ dak li diġa huwa stabbilit u kontabbli għal esiġenzi ta’ ċirkustanzi straordinarji. Dan iwassal biex ħafna mill-proċeduri burokratiċi għal persuni nieqsa mid-dawl, iżda komdi għal minn jara jsibu saqajhom u jirrenzja s-sens komun.”
Soċjetà b’dinja madwarna li taqdi l-maġġoranza
Li persuna tkun bla dawl jew tiffaċċja vista baxxa hija biss waħda mill-isfidi li dawn jiffaċċjaw f’ħajjithom. Individwi neqsin mid-dawl huma bħal ħaddieħor iżda sempliċement ma jistgħux jaraw. Illum imma għandna soċjetà li fiha bnejna dinja madwarna li taqdi lill-maġġoranza. Dan ifisser li kull individwu differenti mill-bqija bħal dawk neqsin mid-dawl, jiffaċċja diffikultajiet għaliex mhumiex dak li jitqies bħala in-norma.
Jekk nieħdu l-aċċess għall-informazzjoni u kif din taffettwa ħażin lil dawk neqsin mid-dawl, kull mna rridu nagmlu hu li nagħtu ħarsa madwarna. Nirrealizzaw kemm il-biċċa l-kbira tal-informazzjoni fl-ambjent tagħna hija viżiva. Skedi tal-ħin fuq l-istejġes tat-trasport pubbliku, sinjali tat-traffiku, billboards li jirreklamaw prodott ġdid fis-suq. Il-biċċa l-kbira ta’ din l-informazzjoni hija inaċċessibbli għal dawk neqsin mid-dawl. Bla dubju ta’ xejn dan jfixkel l-indipendenza tagħhom, peress li l-aċċess għall-informazzjoni jfisser awtonomija.
Impressjonijiet żbaljati li jdejqu lil dawk neqsin mid-dawl
Xi ħaġa li ddejjaq lil dawk neqsin mid-dawl hu l-fatt li jkun hemm individwi li għalkemm bi ħsieb tajjeb, juru entużjażmu żżejjed biex jgħinu persuna neqsin mid-dawl. Spiss din l-imġieba isseħħ minħabba l-perċezzjoni li l-individwu nieses mid-dawl jeħtieġ assistenza, għalkemm dan jista ‘ma jirriflettix ir-realtà.
Persuni neqsin mid-dawl jistgħu jwettqu xogħol regolari aktar bil-mod iżda dan ma jfissirx li mhumiex kapaċi jlestuh. L-għaġġla biex tgħin lill-persuni neqsin mid-dawl mingħajr ma titlob jew tintalab li jsir dan, jista’ jġiegħelhom iħossuhom bla saħħa minflok indipendenti. Barra minn hekk, li ma tħallix individwu neqsin mid-dawl iwettaq biċċa xogħol waħdu, ma jagħtihomx dak l-ispazju meħtieġ biex jitgħallmu kif jagħmlu dan b’mod indipendenti.
L-istigma għadha qawwija
Dawk neqsin mid-dawl jgħidulek bla tlaqlieq li l-fatt li tkun nieqes mid-dawl f’dinja adattata għal dawk li jaraw, dan ifisser li se jkun hemm inċidenti diversi. Spiss ikun hemm inċidenti bħal oġġetti li jitħallew fin-nofs jew jiżgumbraw passaġġ u dawn l-istess inċidenti għandhom tendenza li jiġu pperċepiti minn individwi li jaraw bħala l-inkapaċità ta ‘dawk neqsin mid-dawl li jwettqu x-xogħol jew li jkunu indipendenti. Ma’ dawn għandek ukoll il-qasam tad-divertiment li fih ukoll problemi kbar u nuqqas kbir ta’ aċċessibilità.
Ħajja f’iżolament
“Tħossok iżolat. Għajnuna teżisti u hawn ħafna li jgħinuna imma jiġi mument fejn tħossok iżolat u waħdek. Ikunu mumenti iebsin dawk.
Il-fatt li tkun bla dawl diġà, huwa sfida fih innifsu u l-isfida tkompli tikber bin-nuqqas ta’ appoġġ emozzjonali. L-akbar sfida għalina tibqa’ is-segregrazzjoni tagħna minn ħaddieħor jew gruppi oħra”, qalilna wieħed minn dawn il-persuni neqsin mid-dawn.