Thursday, December 26, 2024

Qawmien Storiku: Il-Proġett ta’ €35 Miljun tal-Ġonna ta’ San Ġwann

Aqra wkoll

Phoenicia Malta Ltd qed tissottometti pjanti ġodda lill-Awtorità tal-Ippjanar għal proġett trasformattiv ta’ €35 miljun immirat biex jagħti l-ħajja mill-ġdid lill-Foss ta’ San Ġwann, li jinsab biswit il-lukanda ikonika The Phoenicia Malta.

Jingħata n-Nifs tal-Ħajja mill-Ġdid lill-Pajsaġġ Storiku tal-Belt Valletta

Din l-inizjattiva ambizzjuża, magħrufa bħala l-proġett tal-Ġonna ta’ San Ġwann, mistennija tittrasforma l-Foss ta’ San Ġwann f’estensjoni tal-perimetru tal-lukanda The Phoenicia Malta b’landscaping mill-isbaħ. Il-proġett jinkludi akkomodazzjoni u faċilitajiet ġodda li mhux biss se jsaħħu l-lukanda rinomata ta’ ħames stilel iżda se jarrikkixxu wkoll id-daħla tal-Belt Valletta.

Din il-proposta – immexxija minn Mark Shaw, il-proprjetarju ta’ Phoenicia Malta Ltd li hi s-sid u l-operatur ta’ The Phoenicia Malta – tista’ tissarraf fi proġett ta’ importanza ewlenija għall-pajjiż. Il-proġett propost jinseġ il-preservazzjoni storika mal-akkomodazzjoni lussuża, filwaqt li jibqa’ leali l lejn ir-reputazzjoni ta’ eleganza u sofistikazzjoni li għandha l-lukanda. Minkejja li l-permessi eżistenti jippermettu żvilupp aktar estensiv, il-pjanti l-ġodda jagħfsu fuq is-sensittività u s-sostenibbiltà, u b’hekk ipoġġu lil The Phoenicia Malta fi klassi għaliha f’dak li hu impenn għall-konservazzjoni kulturali u ambjentali.

Perspettiva Storika: il-Legat tal-Belt Valletta

The Phoenicia Malta, li tinsab proprju fid-daħla tal-Belt, ilha żmien twil simbolu ta’ lussu u ta’ storja, hekk kif ilha tilqa’ lill-mistednin sa mis-snin 40. Il-proġett tal-Ġonna ta’ San Ġwann ifittex li jkompli jibni fuq dan il-legat billi jirrestawra u jsebbaħ żona ta’ importanza storika iżda li hi mitluqa.

Il-Foss ta’ San Ġwann, li hu parti mill-fortifikazzjonijiet formidabbli tal-Belt Valletta, kien instrumentali għad-difiża tal-Belt waqt l-Assedju l-Kbir tal-1565. Matul is-sekli, waqt li l-Belt baqgħet tespandi u tiġi mmodernizzata, partijiet minn dawn il-fortifikazzjonijiet sfaw mitluqa u żdingati. Il-proġett tal-Ġonna ta’ San Ġwann qed jimmira li jagħti l-ħajja mill-ġdid lil dan is-sit storiku, billi jagħti ġieħ lill-passat tiegħu filwaqt li jaddattah għal użu kontemporanju.

“It-trasformazzjoni tal-Foss ta’ San Ġwann ilha mistennija żmien twil,” qal is-Sur Shaw, li xtara l-lukanda fl-2013 u ilu jinvesti fiha u jimmodernizzaha b’mod kostanti minn dak iż-żmien. “Kuntenti ħafna li sa fl-aħħar se nagħtuh il-ħajja – mhux biss bħala estensjoni ta’ The Phoenicia Malta kif inhi llum, iżda biex inkomplu nsaħħu l-wirt għani kemm tal-Belt kif ukoll ta’ ‘Product Malta’ kollu kemm hu. Il-proġett huwa allinjat perfettament mal-impenn tagħna li narrikkixxu l-pajsaġġ kulturali u storiku tal-Belt Valletta filwaqt li noffru esperjenza liema bħalha lill-klijenti internazzjonali u lokali tal-lukanda.”

L-Elementi Ewlenin tal-Proposta tal-Ġonna ta’ San Ġwann

L-applikazzjoni għall-proġett tal-Ġonna ta’ San Ġwann tiġbor fiha diversi elementi ewlenin maħsuba biex jirrispettaw il-kuntest storiku tas-sit waqt li jintroduċu faċilitajiet ġodda kontemporanji. Il-qofol tal-proġett se jkun ir-restawr tal-binjiet tal-Old Stables u l-Coach House, li bħalissa jinsabu fi stat ħażin, sabiex jiġu kkreati 28 kamra u suite addizzjonali. Barra minn hekk, il-binja industrijali antika u dilapidata tal-Laundry se titwaqqa’ u tinbena mill-ġdid biex tipprovdi 23 kamra u suite ġodda. Il-proġett se jinkludi wkoll xogħlijiet sostanzjali ta’ restawr fuq id-diversi ħitan u strutturi storiċi oħra li hemm fil-proprjetà.

David Felice, Direttur Eżekuttiv ta’ AP – id-ditta ta’ periti li hi l-moħħ wara dan il-proġett, issottolinea l-ippjanar metikoluż li kien jinvolvi. “L-għan tagħna kien li niżviluppaw master plan li jirrispetta l-wirt storiku tas-sit filwaqt li jsaħħaħ il-funzjonalità u l-ġmiel tal-post,” qal. “It-trasformazzjoni mill-Foss ta’ San Ġwann għall-Ġonna ta’ San Ġwann mhijiex biss proġett ta’ restawr; hija l-ħolqien ta’ legat biex jitgawda mill-ġenerazzjonijiet futuri.”

Titjib fl-Esperjenza tal-Klijent

Il-ġonna l-ġodda se jestendu u jsebbħu l-proprjetà eżistenti ta’ The Phoenicia Malta, hekk kif se joħolqu ambjent imħaddar u trankwill għall-klijenti tal-lukanda. “Permezz ta’ mogħdijiet aħjar u l-introduzzjoni ta’ buggies tal-elettriku, se jkun hemm titjib sostanzjali fl-aċċessibbiltà madwar l-ispazji tal-lukanda, u b’hekk jiġi żgurat li l-klijenti kollha jkunu jistgħu jgawdu l-ġmiel seren tal-ġonna l-ġodda,” spjega s-Sur Felice.

Is-Sostenibbiltà Ambjentali fuq Quddiem Nett

Is-sostenibbiltà hija waħda mill-pilastri tal-proposta tal-Ġonna ta’ San Ġwann. Il-proġett se jipproteġi s-siġar eżistenti u jintroduċi pjanti indiġeni ġodda, abbażi ta’ studji ambjentali komprensivi, filwaqt li matul il-proġett se jiġu implementati prattiċi ta’ kostruzzjoni sostenibbli. Sforzi sabiex jitnaqqas il-konsum tal-enerġija u tal-ilma u biex jiġi minimizzat l-iskart huma parti integrali mid-disinn, u jirrinforzaw l-impenn ta’ The Phoenicia Malta li topera b’mod ekoloġiku.

Tfixkil Minimu, Benefiċċji Massimi

Il-proġett ġie mfassal biex jitwettaq f’fażijiet ippjanati b’attenzjoni bl-għan li jiżguraw li jkun hemm tfixkil mill-inqas għall-operat kurrenti tal-lukanda. It-traffiku marbut mal-kostruzzjoni se jkun qed juża rotot ta’ aċċess separati, u b’hekk jevita li jżid il-konġestjoni madwar il-lukanda u jiżgura kontinwità bla xkiel għall-esperjenzi tal-klijenti u l-attivitajiet tal-lukanda.

Impatt Aktar Wiesa’ fuq il-Belt Valletta

Is-Sur Shaw saħaq dwar l-impatt pożittiv li l-proġett mistenni jħalli fuq livell aktar wiesa’. “Qed nieħdu b’serjetà kbira din il-fażi li jmiss fl-iżvilupp ta’ The Phoenicia Malta u nemmnu li din mhux biss se ttejjeb il-prodott tal-lukanda tagħna iżda se tikkontribwixxi sabiex il-Belt Valletta tiġbed aktar interess bħala destinazzjoni. Bħal fil-każ tal-legat tal-proprjetà eżistenti, inħossuna privileġġati li se nagħtu sehemna b’risq il-preservazzjoni u t-tisħiħ tal-wirt kulturali ta’ Malta. Jekk kemm-il darba din il-proposta tiġi approvata, aħna fiduċjużi li se ssir aspett ieħor minn The Phoenicia Malta li l-komunità lokali tista’ tkun kburija bih.”

Futur Magħġun fl-Istorja

Il-proġett tal-Ġonna ta’ San Ġwann huwa aktar minn inizjattiva ta’ restawr; huwa testment tal-legat dejjiemi tal-Belt Valletta u The Phoenicia Malta. Il-proġett iwaħħad il-preservazzjoni storika mal-lussu modern, u b’hekk mistenni jarrikkixxi l-pajsaġġ kulturali tal-belt kapitali u jipprovdi esperjenza eċċezzjonali għall-viżitaturi. Waqt li l-Belt Valletta tkompli tevolvi, proġetti bħal dan jiżguraw li l-istorja rikka tagħha mhux biss tiġi mħarsa imma ċċelebrata, u b’hekk toffri futur vibranti għall-ġenerazzjonijiet li ġejjin.

Ekonomija

Sport