Friday, July 19, 2024

STĦARRIĠ TAL-OPINJONI

Alfred Sant
Alfred Sant
Membru Parlamentari Ewropew

Aqra wkoll

Apparti mill-Partit Laburista, l-aktar li ħarġu mdarrsa bir-riżultat tal-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew f’Malta kienu dawk li jmexxu l-istħarriġ tal-opinjoni. Fl-aħħar snin, l-influwenza tagħhom kienet saret kważi suprema fil-mod kif min jinteressa ruħu fil-politika kienu jistennihom biex jgħarbel xinhu jirnexxi mal-poplu u x’mhuwiex.

Kien hemm żewġ raġunijiet għal dan. Minn banda ir-riżultati li kienu qed jagħtu qarrbu bil-kbir lejn ir-riżultati attwali li nkisbu f’elezzjonijiet “reali”. U t-tieni, dawn tal-aħħar naqsu fil-għadd fl-aħħar għaxar snin u allura biex jitkejjel l-effett ta’ pożizzjonijiet politiċi meħuda kien hemm aktar bżonn ta’ surveys ta’ stħarriġ.

Imma wara nhar il-Ħadd, ixxaqqet sew il-fiduċja li kienu kisbu. Kollha ma fehmux li kien għaddej xi taqlib strutturali fl-imġiba tan-nies u ħadd ma deher jaf sew x’setgħet kienet. Kemm jistgħu jerġgħu jiksbu l-fiduċja fiż-żmien li ġej? Kemm se jkunu affidabbli l-konklużjonijiet tagħhom?

Il-kurjuża hi li dil-problema mhijiex titqajjem biss f’Malta, waħda mill-iċken demokraziji tad-dinja. Għaddejja wkoll fl-Indja, l-akbar demokrazija tad-dinja, u għall-istess raġuni.

L-ESTREM

Il-lemin estrem kiseb suċċess kbir fi Franza fl-elezzjonijiet Ewropej u suċċess sostanzjali f’numru ta’ pajjiżi oħra. Forsi raġuni għal dan hi li jikkonsisti f’partiti li ffaċċjati bid-dwejjaq tan-nies, ma jiddejqux iwaħħlu fid-dixxiplina ekonomika li jkollha tinżamm fil-pajjiżi rispettivi skont ir-regoli Ewropej. Mentri partiti oħra taċ-ċentru lemin u xellug, jippromwovu u jiddefendu dil-ħtieġa. Jidhru li qed jagħtuha priorità fuq il-bżonnijiet tan-nies.

Dal-“vantaġġ” li jipposjedi l-lemin estrem iwassal ukoll madankollu biex partiti ta’ dil-linja jsibuha diffiċli jiftehmu bejniethom fuq politika Ewropea komuni. Sa mill-punt tat-tluq, l-pożizzjoni tagħhom tpoġġi fuq quddiem nett l-impenn għal soluzzjonijiet “nazzjonali”. Fi żmien meta l-ekonomiji u s-soċjetajiet laħqu żviluppaw f’qafas li jmur lil hinn mill-fruntieri, il-mexxejja tal-lemin estrem bilfors isibuha diffiċli biex jaqblu fuq politika waħda. Dak li hu tajjeb għal pajjiż wieħed, xejn mhu ta’ gost għall-pajjiż ta’ ħdejh.

RIŻULTATI LOKALI

M’hemmx dubju li se jinstabu ħafna spunti interessanti u qawwija fir-riżultati tal-elezzjonijiet lokali. Fil-fehma tiegħi, iridu jiġu mixtarra b’attenzjoni daqs dawk tal-elezzjonijiet Ewropej. Suppost li l-kunsilli lokali huma l-istituzzjonijiet elettivi li l-aktar jinsabu qrib il-ħajja fil-komunitajiet. Qed nassumi – minn x’nisma’ u nara – li l-kumitati lokali tal-partiti politiċi tilfu kważi għal kollox ir-rwol rappreżentattiv li kellhom fl-imgħoddi. Illum ħafna mill-kuntatti jsiru b’mezzi elettroniċi.

Se jkun meħtieġ li l-analiżi tal-“lezzjonijiet” li joħorġu mir-riżultati lokali jsiru bi ħsieb u b’metodu differenti minn dawk tal-elezzjonijiet Ewropej. F’tal-aħħar pereżempju, il-forza tal-partiti biex miċ-ċentru jinfluwenzaw il-vot hi ħafna aqwa milli tista’ tkun fuq bażi lokali.

Ekonomija

Sport