Wednesday, July 24, 2024

Il-mexxejja tal-G7 jiltaqgħu f’summit fl-Italja

Aqra wkoll

Il-mexxejja ta’ l-iktar seba’ pajjiżi sinjuri tad-dinja bdew jintaqgħu f’summit fir-reġjun tal-Puglia fl-Italja. Rappreżentanti mill-Kanada, Franza, il-Ġrmanja, l-Italja, il-Ġppun, ir-Renju Unit u l-Istati Uniti se jiddiskutu kwistjonijiet inklużi l-gwerer fl-Ukrajna u Gaża.

Is-summit tal-G7 kif inhu magħruf, se jinvolvi wkoll mexxejja mill-Afrika u r-reġjun Indo-Paċifiku, u f’dan ir-rigward se tkun diskussa l-kooperazzjoni ekonomika mal-pajjiżi li qed jiżviluppaw.

Minkejja l-importanza tiegħu, il-grupp tal-G7 ma jistax jgħaddi liġijiet. Madankollu, xi wħud mid-deċiżjonijiet li ħa fl-imgħoddi kellhom effetti globali, inkluż l-appoġġ għal ftehim tal-2021 biex jintaxxaw kumpaniji multinazzjonali

Din is-sena, is-summit mistenni jaqbel ma’ pjan biex juża assi u flejjes Russi ffriżati biex jinġabru biljuni ta’ dollari għall-Ukrajna.

Fir-rimarki tal-ftuħ tal-laqgħa madwar mejda tonda, il-Prim Ministru tal-Italja Giorgia Meloni qalet li l-għan “tat-tmexxija tal-Italja tal-G7 huwa li tagħti valur lil dak li jgħaqqadna u li nkunu nistgħu niddjalogaw ma’ kulħadd”.

Meloni żiedet tgħid li Puglia – reġjun fuq il-kosta tax-Xlokk tal-Italja – intgħażlet biex tospita s-summit peress li tirrappreżenta x-xewqa tagħhom li jsaħħu r-relazzjonijiet man-nofsinhar globali.

F’dan is-summit, hemm pjanijiet li matul it-tlett ijiem li ġejjin jiġu diskussi l-gwerer fl-Ukrajna u fil-Lvant Nofsani, kif ukoll li jibnu fuq it-tmexxija tal-Ġppuniża tal-organizzazzjoni s-sena li għaddiet, billi jaħdmu fuq ktajjen tal-provvista u intelliġenza artifiċjali.

Hu mifhum li fid-diskussjonijiet sar progress meqjus tajjeb ħafna fuq il-pjan biex jintużaw assi Russi ffriżati sabiex jinġabru flus għall-Ukrajna, skont il-konsulent tas-sigurtà nazzjonali tal-Istati Uniti.

Kif spjega l-korrispondent tal-BBC James Landale, l-Istati Uniti qed tressaq proposta biex tkun tista tinġabar is-somma ta’ 50 biljun dollari fis-sena, fil-forma ta’ self garantit kontra assi Russi ffriżati.

Essenzjalment hemm din l-idea ta’ kif jinġabru aktar flus kontanti għall-Ukrajna billi jintużaw l-assi Russi kollha li ġew iffriżati minn meta l-pajjiż invada l-Ukrajna. B’kollox, dawn l-assi Russi ffriżati jlaħħqu madwar 300 biljun dollaru Amerikan.

Ekonomija

Sport