Il-konsultazzjoni pubblika dwar l-ewtanasja volontarja assistita
Fil-ħin tal-aġġornament fil-Parlament, is-Segretarju Parlamentari għall-Ugwaljanza u r-Riformi Rebecca Buttigieg tkellmet dwar il-konsultazzjoni pubblika li nieda l-Gvern b’rabta mal-ewtanasja volontarja assistita.
“Din hija konsultazzjoni li bdejna u rridu nkomplu fil-ġimgħat u x-xhur li ġejjin anke jekk is-sottomissjonijiet fuq is-sit uffiċjali (facts.gov.mt) se jintlaqgħu biss sat-2 ta’ Lulju. Sal-lum fuq dan is-sit daħlu aktar minn 500 sottomossjoni,” qalet is-Segretarju Parlamentari Buttigieg.
Fid-diskors tagħha, hija qalet li ltaqgħet u se tkompli tiltaqa’ ma’ persuni minn kull qasam tal-ħajja. Dan filwaqt li enfasizzat li hemm qbil ġenerali fil-pajjiż li d-dokument dwar l-ewtanasja volontarja assistita huwa wieħed serju u li jaħseb għal qafas regolatorju b’saħħtu.
“Nistqarr li kemm favur, kif ukoll b’ċertu riservi jew kontra, uħud mis-sottomissjonijiet huma vera interessanti li jeħtieġu analiżi profonda. U hekk se nagħmlu fiż-żmien li ġej kemm dwar l-ewtanasja volontarja assistita kif ukoll dwar il-proposta biex nintroduċu t-testment mediku (living will) li bih persuna adulta b’kuntratt formali u strutturat tkun tista’ tagħti direttivi mediċi avvanzati dwar il-kura li tixtieq jew ma tixtieqx f’ċirkostanzi ta’ mard partikolari illi jista’ jkollha,” qalet is-Segretarju Parlamentari Buttigieg li nnotat kif il-proposta tal-living will sabet appoġġ qawwi, iżda temmen li għad irid ikun hemm diskussjoni akbar dwarha ma’ kulħadd.
Hija tkellmet ukoll dwar it-tliet laqgħat pubbliċi li saru fl-aħħar ġimgħat fejn qalet li apprezzat il-kontribut ta’ dawk kollha li ġew u tkellmu favur jew kontra. Qalet li fost dawk li ġew u tkellmu għax missew l-imrar tal-mard terminali, kważi kollha tkellmu favur il-prinċipju li tpoġġa għad-diskussjoni.
“Anna fil-Mosta tkellmet dwar l-esperjenza ta’ meta qarib tagħha affaċċja mard terminali u l-konsulent qalilhom li aktar ma din it-tbatija tintemm malajr, aktar aħjar. Iżda kienet sena u nofs ta’ tbatija.
“Fil-Fgura, Joanna qaltilna kif missierha li tant kien iħobb il-ħajja u tant ħadu ħsiebu sal-aħħar kien hu li talabhom l-ewtanasja għaliex sal-aħħar xtaq li jgħix b’dinjità. Kellu jibqa’ jbati sakemm il-mewt ġiet għalih wara ħafna sofferenzi fiżiċi u emozzjonali.
“Meta tisma dawn l-esperjenzi kull darba tieqaf u taħseb għax ma tistax tkun indifferenti. Ninqabad f’din id-dilemma fejn trid tpoġġi ruħek fiż-żarbun ta’ min għandek quddiemek u fl-istess ħin trid tagħti serħan il-moħħ lis-soċjetà li jekk tagħżel li tilleġiżla, ikollha l-aqwa reġim regolatorju,” tenniet is-Segretarju Parlamentari. “Reġim regolatorju li jagħti serħan il-moħħ mhux bħala alternattiva għall-kura paljattiva iżda għal dawk il-ftit ċirkostanzi fejn kura ma jkunx hemm, fejn tama għall-ħajja ma jkunx hemm.”
Fil-kura paljattiva, hija qalet li l-Gvern qiegħed jinvesti u se jkompli jinvesti. F’dan ir-rigward, esprimiet is-sodisfazzjon tagħha li din il-konsultazzjoni pubblika xprunat u qanqlet diskusjoni dwar il-kura paljattiva li qajla kienet tissemma’ u ħafna nies lanqas kienet taf xi tfisser.
“Dan il-Gvern m’għandu ebda ħsieb li jkollu xi reġim liberali mingħajr regoli stretti”
Is-Segretarju Parlamentari kompliet billi reġgħet tat garanzija assoluta li dan il-Gvern m’għandu l-ebda ħsieb li jkollu xi reġim liberali mingħajr regoli stretti.
Fakkret ukoll li d-dokument jagħmilha ċara li talba għall-ewtanasja volontarja assistita tista’ ssir biss mill-persuna li tkun qed issofri minn marda terminali, li se ttemmilha ħajjitha fi żmien sitt xhur u hi kompetenti mentalment. Ħadd ma jista’ jitlob ewtanasja għal ħaddieħor.
Ebda mudell fejn persuna ma tiddeċidix għaliha nfisha mhux mudell li dan il-gvern lest jikkunsidra. L-enfasi fuq l-għażla volontarja wara li l-persuna tkun ġiet offruta s-servizzi tal-kura paljattiva.
L-istess prinċipji għad-diskussjoni jgħidu li trid tkun persuna adulta li tagħmel it-talba għal ewtanasja volontarja assistita, li jrid ikollha 18-il sena jew aktar.
Minkejja dawn il-prinċipji u s-salvagwardji kollha, is-Segretarju Parlamentari Buttigieg qalet li xorta waħda waħda ssib min jipprova jdaħħal xi dubju u jiżra l-miżinformazzjoni u d-diżinformazzjoni.
“Għalhekk ikolli nirrepeti li d-dokument jagħmilha ċara li diżabilità jew kundizzjonijiet ta’ saħħa mentali ma jistgħu qatt ikunu raġuni biex issir it-talba jew inkella tkun ikkunsidrata,” qalet is-Segretarju Parlamentari.
Prinċipju ieħor hu li jrid ikun hemm proċess rigoruż biex din it-talba tkun ikkunsidrata li jinvolvi numru ta’ professjonisti mediċi u saħansitra Bord biex din it-talba tkun evalwata.
Is-Segretarju Parlamentari tenniet li l-persuna li għamlet din it-talba għandu jkollha d-dritt li tirtira dik it-talba f’liema stadju trid. Hemm ukoll l-obbligu li l-persuna trid tkun residenti fil-pajjiż għal mill-inqas 12-il xahar filwaqt li professjonisti mediċi għandu jkollhom id-dritt illi ma jipparteċipawx f’dan il-proċess fuq l-oġġezzjoni tal-kuxjenza u jistgħu jirreferu lill-pazjent għand professjonisti oħra.
“Napprezza ħafna li l-konsultazzjoni ma ġietx ippolitiċizzata”
Lejn tmiem id-diskors tagħha, is-Segretarju Parlamentari Buttigieg qalet li “napprezza ħafna li din il-konsultazzjoni ma ġietx ippolitiċizzata, għax fil-verità, il-mard ma jarax kuluri. L-unika dispjaċir li kelli kien għall-għażliet ta’ kliem insensittivi ta’ wħud li ma jaqblux li għandu jkun hemm din l-għażla.
“Pereżempju li ngħidu li dan huwa qtil jew suwiċidju assistit, huwa inġust. Għax l-għażla għall-ewtanasja volontarja assistita tista’ ssir biss meta l-proċess tal-mewt ikun diġà beda.
“Iltqajt ma’ diversi persuni li qaluli li d-dokument huwa restrittiv wisq. Uħud isemmulek ir-reliġjon. Hi pożizzjoni li nirrispetta bis-sħiħ anke jekk irrid ngħid iltqajt ma’ kredenti li d-dokument iqisuh bħala wieħed pożittiv u jriduh ikun attwat. Iltqajt ukoll ma’ nies li d-dokument kif inhu jemmnu li huwa wieħed b’saħħtu, għaqli u li eventwalment għandu jsir liġi.”
Hija temmet tgħid li l-konsultazzjoni fdan ir-rigward se tkompli u ħeġġet lil kulħadd biex ikompli jikkontribwixxi. “Irridu nibqgħu niddjalogaw u nisimgħu lil kulħadd. Nappella biex nibqgħu niddiskutu b’responsabiltà u maturità, fejn nisimgħu lil xulxin bi qlub u mħuħ miftuħa.”