Monday, December 30, 2024

Qbil ta’ skambju ta’ 150 priġunier kull wieħed bejn ir-Russja u l-Ukrajna

Aqra wkoll

Skont il-Ministeru għad-Difiża Russu, ir-Russja u l-Ukrajna laħqu ftehim fuq skambju ta’ priġunieri skont kif kien qiegħed ikun imbassar lejn tmiem s-sena u l-bidu ta’ waħda ġdida.

Fi ftehim imfassal mill-Emirati Għarab Magħquda, ir-Russja qalet li skambjat 150 suldat Ukren miżmuma priġunieri ma’ numru ugwali ta’ priġunieri Russi.

Skont il-Ministeru tad-Difiża Russa, in-nies tagħhom li ġew rilaxxati kienu fil-Belarus, alleat tar-Russja, u qegħdin jingħataw għajnuna medika kif ukoll l-opportunità li jikkuntattjaw lill-familji tagħhom. Minn naħa tagħha l-Ukrajna għadha ma kkummentatx dwar dan.

Qabel dan l-iskambju, din is-sena kien hemm biss 10 skambji ta’ priġunieri bejn iż-żewġ pajjiżi. F’kummenti li għadda aktar kmieni din is-sena, Petro Yatsenko mill-Kwartieri Ġenerali tal-Ukrajna għat-Trattament tal-Priġunieri tal-Gwerra qal li n-negozjati mar-Russja dwar skambji ta’ priġunieri saru aktar diffiċli minn meta l-forzi Russi bdew jagħmlu avvanzi sinifikanti fuq il-fruntieri.

L-Ukrajna ma tippubblikax figuri dwar in-numru ta’ priġunieri tal-gwerra miżmuma mir-Russja, iżda huwa stmat li dawn jammontaw għal aktar minn 8,000. L-avvanzi sinifikanti li għamlet ir-Russja fuq il-kamp tal-battalja din is-sena qajmu tħassib dwar din iċ-ċifra li qiegħed ikun maħsub li kulma jmur qiegħda tkompli tiżdied.

Ekonomija

Sport