Il-politika dwar il-migrazzjoni tal-ħaddiema magħrufa bħala l-Malta Labour Migration Policy jidher li qanqlet interess qawwi tant li l-Ħadd li għadda fi tmiem il-proċess tal-konsultazzjoni pubblika fejn sar magħruf li daħlu aktar minn 300 sottomissjoni għand il-Gvern. Din il-konsultazzjoni pubblika saret qabel ma din il-policy tiġi diskussa fil-Parlament fejn sussegwentement issir liġi.
Mill-konsultazzjoni li saret, jidher li kien hemm qbil vast dwar il-prinċipji li joħorġu minn din il-politika, li juru l-ħtieġa kbira li kien hemm għal riforma bħal din f’dak li jirrigwardja l-mod kif u kemm jidħlu ħaddiema minn pajjiżi terzi f’pajjiżna. Dan kollu se jwassal għal aktar stabbiltà fis-suq tax-xogħol.
F’dan l-isfond, l-Erbgħa li għadda, ittella’ l-programm ta’ diskussjoni “Dossier” fil-bini tal-General Workers’ Union, liema programm tratta proprju dan is-suġġett. F’din id-diskussjoni, li kienet iffaċilitata mill-Kap Eżekuttiv tal-Union Print Omar Vella, ħadu sehem diversi stakeholders ewlenin fl-industrija u anke korpi kostitwiti, li jinkludu l-General Workers’ Union, l-Assoċjazzjoni Maltija tal-Lukandi u r-Ristoranti (MHRA), l-Assoċjazzjoni tal-Istabbilimenti tal-Catering (ACE) u l-Assoċjazzjoni tat-Temping u Outsourcing Agencies (AFTA).
Il-parteċipanti f’din id-diskussjoni filwaqt li qablu fil-prinċipju dwar l-għanijiet li hemm wara din il-politika, xi wħud urew li kellhom riservi f’xi rakkomandazzjonijiet li saru fejn anke taw il-fehma tagħhom ta’ x’jixtiequ mill-perspettiva tagħhom li tinkludi din ir-riforma. Ħareġ ċar li l-ħaddiema barranin f’pajjiżna hawn bżonnhom filwaqt li l-pajjiż għandu jindirizza l-problema tad-demografija. Minbarra dan, ġiet enfasizzata wkoll l-importanza tal-iskills card biex jiġi assigurat li l-ħaddiema barranin ikollhom il-kwalifiki meħtieġa.
Fost osservazzjonijiet oħra kien hemm illi din ir-riforma se tgħin biex jonqos l-abbuż jew l-isfruttament ta’ dawn il-ħaddiema, se tgħolli l-istandards ta’ min jimpjega u anke tgħin biex titjieb il-kwalità tan-nies li jidħlu jaħdmu f’pajjiżna.
“Il-GWU kellha sehem attiv fil-proċess ta’ konsultazzjoni” – Josef Bugeja, Segretarju Ġenerali tal-GWU
Fil-kummenti tiegħu, is-Segretarju Ġenerali tal-General Workers’ Union Josef Bugeja saħaq li l-unjin ilha sa minn meta bdew jiġu l-ħaddiema barranin f’pajjiżna involuta fil-ħarsien tal-kundizzjonijiet tagħhom. Dan għaliex il-unjin dejjem emmnet li l-ħaddiema huma ugwali, ġejjin minn fejn ġejjin.
Is-Sur Bugeja enfasizza li l-unjin ma temminx li s-suq għandu jitħalla jsuq imma li jkun hemm regolamenti u parametri li jipproteġu sew lill-ħaddiema kif ukoll lill-employers ġenwini. Il-GWU minbarra li tat sehma fil-proċess ta’ konsultazzjoni, fliet ukoll x’kienu qed jgħidu l-imsieħba soċjali oħra.
Huwa ħeġġeġ biex l-affarijiet ma jkunux ibbażati biss fuq il-paga imma għandhom ikunu mistħarrġa wkoll affarijiet oħra li jinkludu l-housing u l-kirjiet, fejn hawn ukoll wieħed irid jara x’qed jiġri f’dan ir-rigward.
Dwar il-ħaddiema tal-pjattaforma, is-Segretarju Ġenerali tal-GWU staqsa wkoll jekk dawn għandhomx dħul diċenti garantit minn min iħaddimhom biex ikunu jistgħu jgħixu ħajja ta’ kwalità f’pajjiżna. Il-GWU kienet voċifera biex jonqos l-abbuż fuq il-ħaddiema minn pajjiżi terzi.
Is-Sur Bugeja saħaq ukol li din il-politika għandha tittieħed ukoll fil-kuntest tal-viżjoni Malta 2050, u dan għaliex kollox jinkwadra flimkien biex naraw fejn irridu nieħdu lil dan il-pajjiż. “Li hu żgur hu li l-ħaddiema barranin hawn bżonnhom. Xi ħaġa oħra li rridu nindirizzaw hija l-problema tad-demografija,” huwa żied jgħid.
Dwar il-kwistjoni tal-abbuż tal-ħaddiema, is-Sur Bugeja semma każijiet fejn impjegat jitħalla jaħdem għal perjodu qasir f’dak il-post tax-xogħol, jitkeċċa u jġibu lil xi ħadd ieħor minħabba “li kien hemm il-commissions”. Jew agħar minn hekk, jitwaqqaf ħaddiem u dan ma jingħatawx il-formula ta’ tmiem l-impjieg (termination form) biex jerġa’ japplika.
“Kien hawn nies daħlu b’mod legali hawn Malta imma minħabba li l-kuntratt tal-impjieg tagħhom ġie terminat spiċċaw hawn illegalment. Ejja ntuhom ċans tal-inqas darba biex jirregolarizzaw ruħhom. Mingħajr il-ħaddiema barranin l-ekonomija tistaġna. Hemm setturi li mhux se jgħaddu mingħajrhom.”
Is-Sur Bugeja sostna wkoll li d-dinja tax-xogħol qiegħda tinbidel b’pass tant mgħaġġel u l-kambjament li jrid isir fuq il-postijiet tax-xogħol, marbut mat-taħriġ, il-policy tidħol f’aktar dettall dwarha. Hawn enfasizza li t-taħriġ huwa essenzjali f’kull livell u f’kull qasam għax tkun qiegħed iżżid il-valur u l-kompetenzi tiegħek. Huwa temm l-intervent tiegħu billi saħaq li rridu nkunu preparati għat-tibdil li qed isir.
“Bil-liċenzjar tat-temping agencies, ħadna enerġija friska ġdida” – Daniel Coppini f’isem l-AFTA
Fl-intervent tiegħu f’isem l-AFTA, Daniel Coppini qal li l-Assoċjazzjoni li huwa jirrappreżenta twaqqfet f’Ottubru li għadda, ftit xhur wara li ddaħħlet fis-seħħ il-liġi biex ikunu liċenzjati l-aġenziji tax-xogħol magħrufa bħala t-temping agencies.
“Ħdimna għal dawn il-liċenzji. B’din ir-riforma nikkalulkaw li diġà nħarġu 100 liċenzja. B’dan il-pass, ħadna enerġija friska ġdida. L-Assoċjazzjoni tirrappreżenta l-maġġoranza vasta ta’ dawn l-aġenziji, ‘il fuq minn 40,000 impjegat,” qal is-Sur Coppini.
Huwa rrikonoxxa wkoll li jista’ jkun hemm min għadu qiegħed jabbuża, ta’ min pereżempju jimpjega aktar minn 100 ħaddiem u liċenzja għad m’għandhomx. Qal li “bħala Assoċjazzjoni nieħdu azzjoni fuqhom. Nirrapportaw kull fejn ikun hemm bżonn.”
Għaldaqstant, kompla jgħid is-Sur Coppini, il-migration policy kien hemm bżonnha, u li meta wieħed jifli sew ir-rakkomandazzjonijiet li saru, tirrealizza li ħafna mill-oġġezzjonijiet huma simili ħafna. “Nieħdu pjaċir li meta ġie ppreżentat id-dokument ma sibniex politikanti biss imma anke l-awturi tad-dokument li involvew ruħhom sew fid-diskussjoni.”
“Dan huwa dokument li mhux se jbiddel ix-xogħol mil-lum għal għada imma se jgħolli l-istandards ta’ min jimpjega,” tenna jgħid is-Sur Coppini.
Mistoqsi dwar il-fatt li qed ikun propost li għandu jkun hemm aktar trasparenza fil-mod kif dawn il-ħaddiema jirċievu s-salarju tagħha, huwa saħaq li kull min iħaddem għandu relazzjoni mal-bank tiegħu. Qal li javviċinawh diversi persuni biex jingħataw ukoll pariri legali f’dan ir-rigward.
“Irridu nindirizzaw ir-realtajiet tal-industrija” – Christina Galea, ACE
Christina Galea, bħala rappreżentanta tal-ACE, saħqet li hija rat l-industrija tinbidel f’dawn l-aħħar 20 sena. Iddeskriviet bħala xi ħaġa pożittiva l-fatt li llum għandna realtà fejn l-istudenti qed ikollhom opportunitajiet mal-ewwel fl-oqsma tal-istudji tagħhom.
“Tradizzjonalment il-waiters fir-ristoranti kienu jkunu rġiel tal-familja li jmorru jagħmlu xogħol part-time. In-nisa kienu jaħdmu fil-house-keeping. L-industrija tagħna bdiet tesperjenza l-bżonn li nħarsu aktar lejn il-barranin biex jiġu jaħdmu f’din l-industrija. Din ir-realtà nħolqot għaliex l-ekonomija kibret.
“Din iġġib magħha ħafna sfidi li rridu naħdmu biex l-implikazzjonijiet ta’ dan l-iżvilupp ma jkollux impatt negattiv fuq il-poplu. Nixtiequ naraw policies bħal dawn jgħinuna ntejbu l-kwalità tan-nies li jidħlu f’pajjiżna. Irridu fuq kollox nindirizzaw ir-realtajiet tal-industrija,” tenniet Galea.
Mistoqsija dwar il-kwoti ta’ ħaddiema, hija qalet li l-Assoċjazzjoni temmen li l-kwoti kif ġew proposti għandhom ikunu bbażati fuq id-daqs tan-negozju. “Però nemmnu li tkun aktar effiċjenti jekk il-kwoti jirriflettu r-realtajiet ta’ kull industrija. Dak huwa fattur li nemmnu li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni biex tiġi indirizzata l-kwota għar-realtajiet tan-negozji.”
Dwar l-Iskills Pass, Galea qalet li bħala Assoċjazzjoni fil-prinċipju jaqblu magħha iżda jaraw li jista’ jkun hemm lok ta’ aktar titjib f’dan ir-rigward. B’dan il-mod ikun żgurat li ma jintilfx il-potenzjal sħiħ ta’ dawn il-ħaddiema.
“L-industrija tal-ospitalità rridu nkomplu ninvestu fiha” – Andrei Imbroll, MHRA
Andrei Imbroll, membru fil-Kunsill tal-MHRA, qal li llum il-ġurnata, l-industrija tal-ospitalità tista’ tgħid hija l-unika industrija li qiegħda taffaċċja r-rekwiżiti tal-iskills pass. Huwa ddikjara li jemmen li din l-industrija se tibqa’ hawn fit-tul u għaldaqstant irridu nkomplu ninvestu fiha.
Kompla jgħid li: “jekk xi ħadd irid TCN jiġi jaħdem hawn qed iħares lejn spiża ta’ madwar €2,000 biex dan ikun jista’ sempliċiment jieħu ċans għall-proċess. Dan meta ma tqisx l-ispejjeż tal-ivvjaġġar, l-ispejjeż inizjali sakemm isib ix-xogħol, fost oħrajn. Irridu nħarsu f’dan ir-rigward u varji dettalji oħra,” qal is-Sur Imbroll.
“Aħna naqblu totalment li kellha ssir din il-politika u naraw li hemm bżonn li l-ħaddiema li jiġu Malta jkollhom kwalità ta’ ħajja tajba għalihom u li jtejbu l-kwalità tal-ħajja tan-nies lokali. Biex dan isir, din il-policy trid tieħu konsiderazzjoni ta’ policies oħra – fosthom tal-housing u tat-turiżmu – biex tassew tkun politika effettiva fuq bażi long term.”
“Waħda mir-rakkomandazzjonijiet hi li tgħolli l-prezz meta int tapplika l-ewwel darba għax-xogħol. Nafu xi trid tilħaq biha, u l-għan aħħari naqblu miegħu, imma din se jkollha l-effett li aħna nixtiequ, jew ħaddiem li għandu ċertu ħiliet jgħidlek li hi għalja wisq u għalhekk jispiċċa jmur f’pajjiż ieħor?,” kompla jistaqsi s-Sur Imbroll.
Min-naħa l-oħra huwa rrikonoxxa li l-għan aħħari wara r-rakkomandazzjonijiet li ressaq il-Gvern f’din il-politika huwa tajjeb. Qal li l-aktar li rridu noqogħdu attenti huwa li ma nżidux saffi ta’ burokrazija. “L-iskills pass, l-għan warajha huwa tajjeb imma t-taħriġ li qed jingħataw huwa ffukat u jolqot dak li għandu bżonn? Housekeeper, maintanance, front office, it-taħriġ li qed jieħu huwa adatt?.”
Tkellem ukoll dwar il-bżonn ta’ aktar involviment min-naħa tal-industriji. “L-industrija trid tkun ħafna aktar involuta fit-taħriġ tal-impjegati jekk irridu li niksbu l-għan li l-impjegati jilħqu ċertu livell.”
Dwar l-Intelliġenza Artifiċjali, is-Sur Imbroll qal li din trid tintuża biex titjieb il-produttività u l-kwalità tar-riżorsi umani. Aktar milli jikkompetu ma’ xulxin, għandhom ikunu kumplimentari għal xulxin għaliex fl-aħħar mill-aħħar b’dan il-mod tkun qiegħda titjieb l-esperjenza tal-klijent.
X’inhuma l-prinċipji ewlenin wara din ir-riforma?
L-erba’ prinċipji li jsawru din ir-riforma huma l-istabbiltà, id-drittijiet tal-ħaddiema, il-fatt li jiġu biss ħaddiema fejn hemm bżonn u l-enfasi fuq it-taħriġ. Minn dawn il-prinċipji joħorġu 32 rakkomandazzjoni.
Waħda mir-rakkomandazzjonijiet hi li biex jiġu inkoraġġit aktar persuni jibqgħu fl-impjieg, il-perjodu ta’ tiġdid jiġi estiż minn sena għal sentejn, sakemm ħaddiem minn pajjiż terz jingħata kuntratt validu għal perjodu ta’ mhux inqas minn sentejn.
Se jkun hemm ukoll l-obbligu li l-pagi ta’ dawn il-ħaddiema imorru direttament fil-bank u dan bil-għan li jiġi aċċertat li l-kundizzjonijiet tax-xogħol jiġu mħarsa skont il-kuntratt.
STABBILTÀ
Din ir-riforma għandha l-għan li tippromwovi l-istabbiltà fis-suq tax-xogħol. Għalhekk tikkastiga l-attitudni ta’ min jemmen li jista’ jġib ħaddiema barranin kemm jiflaħ mingħajr ma jinvesti l-ewwel f’inizjattivi li jżidu l-produzzjoni u jinċentivaw l-investiment fil-ħiliet.
Fuq kollox hija riforma li temmen f’min juri l-impenn li jifhem u jħaddan il-ħajja Maltija u għalhekk qed ikunu proposti sistemi li jwasslu biex min iħaddem ikun jaqbillu jżomm f’Malta ħaddiema li diġà għandu.
DRITTIJIET TAL-ĦADDIEMA
Bil-ħarsien tad-drittijiet tal-ħaddiema jgawdi kulħadd. Għalhekk qed tkun proposta riforma aktar iebsa ma’ min ma jħarisx id-drittijiet tal-ħaddiema u jikkuntenta biss bil-minimu għax jemmen li minflok dak li għandu jista’ jaqbad u jġib ħaddiem iġib ieħor.
Din hi attitudni li tista’ tolqot b’mod negattiv lill-ħaddiem Malti. Fl-aħħar snin il-ħaddiem Malti mexa ’l quddiem u progressa. Bl-enfasi fuq id-drittijiet mhux biss il-ħaddiem ikollu d-dinjità tiegħu, iżda jkun assigurat li ma jkunx hawn kompetizzjoni inġusta fis-suq tax-xogħol.
KONTROLL, BIEX JIĠU FEJN HEMM BŻONN BISS
Se jkun assigurat li l-ħaddiema minn pajjiżi terzi jiġu biss f’setturi fejn il-pajjiż għandu bżonn. Fil-fatt, ir-riforma tagħmel numru ta’ eċċezzjonijiet f’setturi kruċjali bħas-saħħa u l-kura tal-anzjani. Iżda, hemm oqsma oħra fejn id-deċiżjonijiet jridu jittieħdu kontinwament billi tkun analizzata s-sitwazzjoni b’mod kontinwu. Il-Gvern diġà wera li ma jiddejaqx jagħmel dan, bil-mod kif irregola l-food couriers u x-xufiera tal-y-plates.
INVESTIMENT FIL-ĦILIET
Biex is-suq tax-xogħol jaħdem b’mod effiċjenti u ġust, irid ikun hemm enfasi dwar il-ħiliet. Hekk il-pajjiż ikun aktar produttiv, il-ħaddiema jkunu ta’ aktar kwalità u konsegwenza ta’ hekk tinħoloq aktar stabbiltà għax min iħaddem jibża’ iktar għall-investiment ili jkun hemm fit-taħriġ fejn jenfasizza iktar il-kwalità u mhux in-numri. Għalhekk, hawn ukoll ir-riforma tinċentiva u tippremja lil min jagħżel din it-triq, filwaqt li l-introduzzjoni tal-iskills card fis-settur tat-turiżmu se tkun estiża għal setturi oħra.