Tuesday, December 24, 2024

Qed ikunu finalizzati sejħiet pubbliċi għall-offerti għal aktar charging pillars

Aqra wkoll

“Charge My Ride” hija sistema tal-iċċarġjar pubblika fejn it-twaħħil u l-operat taċ-charging pillars isir minn kuntrattur privat, li kien intgħażel wara sejħa għall-offerti pubblika. Qed jiġu finalizzati sejħiet pubbliċi għall-offerti għal aktar charging pillars, li se jkunu qed jagħtu opportunità wiesgħa lil aktar operaturi li jidħlu f’dan is-suq mal-kuntrattur eżistenti.

Dan qalitu l-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u r-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir Miriam Dalli fi tweġiba għal mistoqsija parlamentari li saritilha mid-Deputata Laburista Rosianne Cutajar. Fit-tweġiba tagħha, il-Ministru Dalli qalet ukoll li permezz pjattaforma nazzjonali li qed tiġi ppjanata, is-sewwieqa tal-vetturi elettriċi jkunu jistgħu jagħmlu użu miċ-charging pillars ta’ dawn l-operaturi kollha differenti b’mod wieħed komuni u sempliċi.

L-Onor Cutajar għamlet mistoqsija oħra lill-Ministru Dalli li oriġinarjament kienet saret ukoll lill-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi li kienet: “Peress li li ħafna drabi ċ-charging stations elettriċi ma jkunux qed jaħdmu b’konsegwenza li s-sidien tal-karozzi elettriċi qed jispiċċaw jaħlu ħafna ħin fi skariġġ żejjed iduru minn charging station għall-oħra bit-tama li jsibu waħda taħdem, jista’ l-Ministru jara li jsiru kontrolli neċessarji biex dawn il-kumpaniji jinvestu aktar fil-manutenzjoni u l-effiċjenza tal-istess charging points?”.

Min-naħa tagħha, il-Ministru Dalli rreferiet lill-Onor. Interpellanta għat-tweġiba li kienet tat għal żewġ mistoqsijiet parlamentari oħra li ngħataw fl-istess ġurnata u li kif indikat mit-tagħrif mogħti, każijiet kif deskritti f’din il-mistoqsija parlamentari huma minimi. Madankollu, spjegat li jekk l-Onor. kollega kellha xi tagħrif speċifiku, talbitha sabiex tgħaddihula biex jaraw x’każijiet huma.

Barra minn hekk, il-Ministru Dalli spjegat li l-kumpanija responsabbli miċ-charging pillars hija obbligata li kontinwament tagħmel il-manuntenzjoni meħtieġa biex tassigura li dawn joperaw b’mod effiċjenti. “Ninsab infurmata li fuq it-372 charging points li hawn bħalissa madwar Malta u Għawdex, kuljum qegħdin isiru medja ta’ 600 tranżazzjoni li jsarrfu f’medja ta’ 10,000kwh kuljum.

“Nirreferi wkoll għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 22145. Fiha spjegajt kif fix-xhur li ġejjin għandu jibda x-xogħol infrastrutturali b’rabta mal-proġett li se nwettqu biex sal-aħħar tas-sena d-dieħla n-numru ta’ charging pillars madwar Malta u Għawdex jilħaq total ta’ 1,572 charging point,” kompliet tgħid il-Ministru Dalli.

Ekonomija

Sport