Friday, December 13, 2024

“Tkomplix teskala l-konflitt mal-Ukranja”

Il-President Elett Trump jitkellem mal-President Putin

Aqra wkoll

Il-President Elett tal-Istati Uniti Donald Trump tkellem mal-President Vladimir Putin fejn tkellmu dwar il-gwerra fl-Ukranja. Dan tħabbar fil-midja internazzjonali li kienu qegħdin jikwotaw sorsi qrib il-President Trumo.

Skont is-sorsi li tkellmu mal-midja internazzjonali Trump qal lil Putin biex ma jkomplix jeskala l-gwerra mal-Ukranja. Huma tkellmu permezz ta’ telefonata li saret mir-residenza ta’ Trump fi Flordia. Jidher li Trump fakkar lil Putin li l-Istati Uniti għandha preżenza qawwija tal-armata tagħha fl-Ewropa.

Iż-żewġ Presidenti tkellmu dwar il-paċi fl-Ewropa filwaqt li Trump esprima x-xewqa li jkun hemm diskussjoni aktar fid-dettall biex b’hekk tieqaf darba għal dejjem il-gwerra fl-Ukranja.

Waqt il-kampanja Presidenzjali, Donald Trump kien wiegħed li jekk ikun elett kien se jwaqqaf il-gwerra fl-Ukranja f’24 siegħa minn meta jieħu l-ġurament tal-ħatra. Skont sorsi qrib Trump, il-pjan tiegħu hu li jagħti appoġġ lir-Russja li żomm xi artijiet li ħadet taħt il-kontroll tagħha f’din il-gwerra, iżda min-naħa tal-Gvern Ukren qal li dan mhux se jkun qatt aċċettat.

Skont rapporti fil-midja internazzjonali fl-ewwel ftit sigħat wara li Trump ġie elett mill-ġdid President tal-Istati Uniti tkellem ma’ aktar minn 70 mexxej fid-dinja fosthom kellu telefonata mal-President Ukren Volodymyr Zelensky. Għal din it-telefonata kien hemm preżenti wkoll Elon Musk, li jidher li se jkun wieħed mill-aktar persuni fdati fl-amministrazzjoni Trump.

Uffiċjali Ukreni ġew informati bit-telefonata li saret bejn Trump u Putin. Huma qalu li kienu konxji li fl-ewwel jiem wara l-elezzjoni Trump kien se jitkellem ma’ Putin biex tinstab soluzzjoni diplomatika tal-gwerra.

“Il-mexxejja tad-dinja jafu li hekk kif Trump għamel rebħa storika fl-elezzjoni presidenzjali, hu se jkun qiegħed jagħmel dak kollu posibbli biex l-Istati Uniti terġa’ tkun prominenti u influwenti madwar id-dinja kollha. Għalhekk il-mexxejja kollha tad-dinja qegħdin jipprovaw jagħmlu kuntatt miegħu għax jafu li Trump jippreżenta l-paċi u l-istabbilità madwar id-dinja,” qal Steven Cheung, id-direttur tal-komunikazzjoni ta’ Trump.

Intant Dmitry Peskov, kelliem għal Putin nhar il-Ħamis li għadda qal li l-President Russu m’għandu l-ebda ħsieb li jawgura jew jitkellem ma’ Trump minħabba li l-Istati Uniti mhux pajjiż ħbieb tar-Russja.

Iżda ftit wara li Peskov qal dan id-diskors lill-midja, Putin waqt konferenza li kien qiegħed jattendi awgura lil Trump għar-rebħa li għamel filwaqt li qal li kien lest li jitkellem miegħu.

Ekonomija

Sport