Monday, September 22, 2025

‘Qed inħares lejn din l-esperjenza ma’ Qrendi FC bħala sfida ġdida f’diviżjoni ogħla minn dik li kont nilgħab fiha s-sena l-oħra’ – Ryan Farrugia

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol?

L-imħabba tiegħi lejn il-futbol bdiet meta kont żgħir. Ta’ erba’ snin niftakar lil ommi twassalni għat-taħriġ u l-loghob u dejjem tħeġġiġni biex inkun aħjar. Minn hemm nibtet l-imħabba tiegħi lejn dan l-isport tant għal qalbi.

Ħa mmur mal-ewwel għall-punt. Kif qed tħares lejn l-esperjenza ġdida tiegħek ma’ Qrendi FC?

Qed inħares lejn din l-esperjenza ma’ Qrendi FC bħala sfida ġdida f’diviżjoni ogħla minn dik li kont nilgħab fiha s-sena l-oħra. Din l-esperjenza ħa tgħinni nitjieb bħala plejer kif ukoll individwalment bħala persuna.

X’inhuma t-tragwardi tagħkom għal dan l-istaġun, li għadu kemm jibda?

It-tragwardi tat-tim tagħna huma dejjem li l-ewwel nassiguraw postna fid-divizjoni mill-iktar fis possibli. Imbagħad qed nimmiraw li nimxu logħba b’logħba u possibilment niġġieldu mat-timijiet ta’ fuq għall-promozzjoni għaċ-Challenge League.

Iddeskrivi l-esperjenza passata tiegħek ma’ Siġġiewi FC, u kemm tgħallimt minnha.

Kienet esperjenza sabiħa fejn fiha tgħallimt ħafna. Għalkemm ġieli t-triq kienet diffiċli, dejjem kien hemm id-determinazzjoni li jekk naħdmu bħala tim, kapaċi negħlbu kull ostaklu. Apparti minn hekk għamilt konnessjonijiet u ħbieb ġodda li ħa nibqa’ ngħożż għal ħajti.

Kif tqis il-livell tal-futbol Malti fil-preżent?

Inħoss li l-livell tal-futbol Malti qed jitjieb sena wara l-oħra. Dan jista’ jintwera biċ-car bil-fatt li dis-sena, kellna l-ewwel tim Malti li rnexxielu javvanza għall- fażi tal-kampjonat ta’ kompetizzjoni Ewropea. Dan it-tragward milħuq minn Hamrum Spartans FC ħa jkompli jgħin biex il-futbol Malti jkompli jimxi ‘l quddiem biex tragwardi bħal dawn jiġu meqjusa bħala affarijiet regolari.

U dak tar riżorsi fejn titħarrġu u jkollkom il-kompetizzjonijiet uffiċjali tagħkom?

Dan huwa suġġett li ħafna plejers igergru dwaru. Dan għaliex fejn jidħlu grawnds fejn isiru l-logħob u anke fejn nitħarrġu, hemm ħafna affarijiet li jistgħu jitjiebu. Jekk dawn jitjiebu, ikollna inqas injuries u livell aħjar ta’ futbol.

Kif tqis il-mentalitá tal-isport f’pajjiżna?

Jien inqis li hawn mentalitá tajba fejn ħafna timijiet, anke fid-diviżjoni tagħna li titqies bħala Ametuer, qed jieħdu l-affarijiet bis-serjetá. Kull tim qed jipprova jitjieb billi juza l-VEO, recovery boots u teknoloġiji oħra biex aħna bħala plejers inkunu ppreparati f’kull aspett għal kull logħba.

Kif qed tħares lejn il-futur aktar imbiegħed tiegħek fil-futbol?

Jien l-għan tiegħi dejjem ikun biex kull ġurnata nkun aħjar mill-ġurnata ta’ qabel. Dan nipprova nagħmlu billi nnaqqas l-iżbalji u nitgħallem xi ħaġa ġdida minn kull sessjoni ta’ taħriġ li jkolli. Dan nemmen li ħa jgħinni nilħaq l-ogħla livell li jien nista’ noffri bħala plejer.

Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fil-futbol.

Ħadd m’għandu jaqta’ qalbu u jieqaf jemmen fil-ħolm tiegħu. Għalkemm dan l-isport jirrikjedi ħafna sagrifiċċji kif ukoll mumenti koroh, kemm fuq bażi personali u anke bħala kollettiv, dawn jintesew kollha bil-mumenti sbieħ, il-konnessjonijiet, u l-memorji li joffri l-futbol!

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport