Minn Cristian Muscat
Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol?
Il-futbol minn dejjem kellu sehem importanti fil-ħajja tiegħi … minn mindu kont tifel dejjem nara fejn nista’ nilgħab. Jien proprja minn Ħal-Kirkop u meta kont tifel konna nsibu ħafna fejn nilagħbu fit-triq, il-bandli jew postijiet oħra – l-aqwa li nilagħbu, lasti magħmulin minn ġebla mal-art u malajr konna nagħmlu grawnd! L-ewwel Nursery tiegħi kienet taż-Zurrieq u minn hemm dejjem bqajt involut.
Ħa mmur mal-ewwel għall-punt. Kif qed tħares lejn l-esperjenza ġdida tiegħek bħala Kowċ ta’ Qrendi FC?
Qed inħares lejn din l-esperjenza ma’ Qrendi FC b’ottimiżmu li nistgħu nkunu tim preparat u li jagħti sfida lil kull avversarju, u bħala opportunità biex nikber kemm personalment kif ukoll bħala kowċ.
Importanti li nibnu tim kompetittiv filwaqt li nkunu pożittivi u dixxiplinati. L-għan tiegħi hu li b’rispett lejn il-plejers u diskussjoni, noħroġ l-aħjar ta’ kull wieħed minnhom, mhux biss bħala plejer individwali imma wkoll fil-mentalità u kemm aħna kapaċi nkunu tim lest li jaffaċċja l-isfidi li toffri l-logħba tal-futbol bħala tim.
Iddeskrivi l-esperjenzi passati tiegħek fil-kowċing.
Fil-kowċing jien bdejt ta’ etá żgħira meta kont involut fit-tmexxija tan-Nursery tat-tfajliet ta’ Kirkop United FC fejn bdejt billi kont nikkowċja etajiet żgħar. Wara xi staġuni involut, kienet ġiet l-opportunitá li nikkowċja t-tim tal-kbar dejjem tat-tfajliet. It-tim kien qiegħed jikkompeti fl-ewwel staġun tiegħu fl-Ewwel Diviżjoni. Dak iż-żmien kien hemm żewġ diviżjonijiet fil-kampjonat tat-tfajliet.
Kienet sfida meta tqis li kien hemm differenza mhux ħażin fil-livell bejn it-timijiet li kienu jagħtu sfida biex jirbħu l-kampjonat u t-timijiet l-oħra li kienu jaspiraw li jżommu posthom fl-Ewwel Divożjoni. Għamilt sitt staġuni nikkowċja lil dan it-tim u fl-istess ħin kont bdejt nikkowċja l-Uunder 17s boys dejjem fin-Nursery ta’ Kirkop United FC.
Wara mxejt għal ma’ klabbs oħra fejn għamilt sitt staġuni nikkowċja timijiet tal- youths/minors u bdejt nidħol bilmod bħala assistant coach ta’ tim tal-kbar, fejn ma’ Zebbug Rangers FC kont assistant coach fil-Malta Premier u anke fiċ- Challenge League, u s-sena li għaddiet ġiet l-oppprtunitá li nkun il-kowċ tat-tim fiċ-Challenge League. Inħoss li l-esperjenza li ksibt nikkowċja f’livelli u etajiet differenti għenitni nikber bħala kowċ u nemmen li t-triq tiegħi biex illum nikkowċja tim tal-kbar kienet waħda pożittiva u tgħallimt ħafna mingħand kowċis b’ideat differenti biex illum bnejt il-profil tiegħi bħala kowċ.
Kif tqis il-livell tal-futbol Malti fil-preżent?
Qegħdin isiru ħafna sforzi kemm mill-MFA u anke mill-klabbs biex il-livell jogħla u nħoss li sar progress kemm fil-futbol milgħub u anke fil-livell tar-referees li huma parti integrali mil-logħba. L-ikbar problema hi li fil-livell internazzjonali pajjiżi oħra għamlu avvanzi kbar ukoll.
Ovvjament dejjem baqa’ xi jsir u hemm lok għal aktar titjib, u nemmen li trid issir iktar diskussjoni mal-partijiet kollha konċernati fid-‘day-to-day’ biex jitmexxa klabb jew nursery biex inkunu nistgħu nkomplu ntejbu l-logħba.
U dak tar-riżorsi (grawnds) fejn titħarrġu u tilagħbu l-logħob kompetittiv tagħkom?
Bħala riżorsi u grawnd fejn nilagħbu u nittrenjaw ukoll isir sforz kbir speċjalment mill-voluntiera li jkunu fil-kumitati tal-klabbs tagħna, illum tista’ tgħid li l-klabbs kollha għandhom grawnd bit-turf artifiċjali … ta’ min hu 11-a-side u ta’ min mhux peró f’kull raħal hemm grawnd fejn it-tfal u ż-żgħażagħ tagħna jistgħu jipprattikaw il-logħba tal futbol.
Barra minn hekk bħalissa ħafna mill-uċuh ta’ dawn il-grawnds qegħdin ukoll jinbidlu li hi xi ħaġa pożittiva biex nevitaw ċerti injuries li jwaqqfu lill-players milli jkomplu jilagħbu.
Fejn isiru l-logħbiet tan-National Amatuer League li jsiru f’erba’ grawnds differenti, nemmen li ċerti grawnds hemm l-affarijiet bażiċi li tim ikollu bżonn biex jipprepara għal-logħob, peró hemm pitches minnhom li forsi huma ftit iżgħar minn grawnds bħas-Centenary Stadium li hu grawnd ideali għal-logħob ta’ dan il-livell.
Kif qed tħares lejn il-futur aktar imbiegħed tiegħek fil-futbol?
Bħala kowċ, nara l-futur tiegħi bħala proċess, kemm fuq livell tekniku kif ukoll fuq livell personali. Il-passjoni tiegħi għal-loghba tgħinni biex kuljum inkun ippreparat. L-għan tiegħi hu li fil futur inkun parti minn proġetti li mhux biss jagħtu riżultati fil-grawnd, iżda wkoll biex flimkien nibnu kulturá pożittiva lejn il-logħba tal- futbol u ngħinu lill-plejers jikbru u jiżviluppaw. Importanti li nkompli nitgħallem. Fil- futur, ix-xewqa tiegħi hi li nkun involut f’ambjent professjonali fejn flimkien ma’ kowċis oħra nkun nista’ nagħti kontribut għall-iżvilupp tal-logħba fMalta. Karriera fil-futbol hi bħal mixja u kull pass u esperjenza differenti huma opportunità biex nikber.
Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fil-futbol.
Jekk veru tħobb il-futbol u tixtieq li tikber fil-logħba, ibda billi emmen fik innifsek. It-triq fil-futbol mhix dejjem faċli … issib kritika, pożizzjonijiet fejn ma taqbilx mal-kowċis bħala plejer jew mal-kumitat bħala kowċ u kultant anke taħseb li mhux ‘worth it’.
Imma f’mumenti bħal dawn issaqsi għaliex tħobb il-logħba tal- futbol. Ipprova kun pożittiv u umli, u kun lest li tagħmel is-sagrifiċċju. Importanti li tirrispetta lill-kowċis, il-plejers, ir-referees u lil kull min hu involut fil-logħba!