Minn Cristian Muscat
San Ġwann FC laqgħu lil Josef ‘Ċece’ Borg fil-klabb bħala Team Manager kemm għat-tim tal-kbar kif ukoll dak tal-Minors.
Josef jingħaqad mal-klabb b’esperjenza estensiva fil-futbol lokali, wara li qabel kellu rwoli ma’ Santa Lucia, Pietà Hotspurs, Luqa St. Andrew’s, Msida St. Joseph u Siġġiewi FC. Huwa għandu wkoll Liċenzja ta’ Team Manager, li turi aktar l-impenn u l-professjonaliżmu tiegħu fil-logħba.
L-esperjenza, il-ħiliet organizzattivi u d-dedikazzjoni tiegħu se jkunu assi siewja għall-plejers tagħna, l-istaff tal-kowċing u l-operazzjonijiet tal-klabb matul l-istaġun kollu. Josef se jkollu rwol importanti fl-appoġġ tat-tmexxija ta’ kuljum tat-timijiet u jgħin fil-ħolqien tal-aħjar ambjent possibbli għall-plejers tagħna biex iwettqu u jiżviluppaw.
San Ġwann qali li jinsabu kuntenti ħafna li Josef ingħaqad mat-tim ta’ San Ġwann FC u nħarsu ‘l quddiem biex naħdmu flimkien fl-istaġun li ġej.
Dan is-sit għamel kuntatt ma’ Josef innifsu fejn tana iktar dettalji.
Kif qed tħares lejn l-esperjenza ġdida tiegħek bħala Team Manager tat-tim tal-kbar u ta’ dak tal-Minors ta’ San Ġwann FC?
Qed inħares lejn l-istaġun li ġej bħala wieħed eċitanti ħafna għaliex ħa jkolli żewġ sfidi importanti … dik tal-Kbar kif ukoll tal-Minors.
Kemm qed tfittex li taħdem spalla ma’ spalla mal-kowċ il-ġdid, Noel Turner?
Waħda mir-ragunijiet illi jiena ngħaqadt ma’ San Ġwann FC kienet proprju għaliex hemm staff tekniku b’saħħtu ħafna u wieħed minnhom huwa proprju Noel Turner, li m’għandu bżonn tal-ebda introduzzjoni fil-futbol Malti. F’dawn il-ftit ġimgħat li ilni naħdem miegħu, mal-ewwel indunajt x’tip ta’ kowċ hu … kowċ bravu ħafna u nemmen li mingħandu ser inkompli nitgħallem.
X’inhuma t-tragwardi tagħkom għall-istaġun li ġej?
Ovvjament, San Ġwann FC mhuwiex tim ta’ Amateur League … San Ġwann huwa tim li jixraqlu iktar … b’nursery b’saħħitha ħafna tkun iktar faċli għall-klabb illi dejjem jimmira ‘l fuq. It-tim tal-kbar f’dawn l-aħħar snin dejjem kien ma’ ta’ fuq f’din id-diviżjoni għalkemm matul l-istaġun li għadda kien hemm xi plejers imweġġa’, fl-istaġun ta’ qabel tilfu l-promozzjoni għall-punt wieħed biss.
Ġurnata b’gurnata, logħba logħba, peró l-għan tagħna huwa dak li nkunu ma’ ta’ fuq. Rigward l-iskwadra tal-Minors, fl-aħħar staġun ġew relegati għal Section B. u bla dubju ta’ xejn li ser nagħmlu minn kollox sabiex niksbu l-promozzjoni għal Section A mill-iktar fis possibli!

