Khalida Popal twieldet fil-belt Afgana ta’ Kabul fl-1987 u llum il-ġurnata għandha 36 sena. Din il-mara hi ferm popolari madwar id-dinja hekk kif b’kuraġġ kbir bdiet twaqqa’ u tkisser barrieri fejn għandu x’jaqsam nuqqas ta’ opportunitajiet għan-nisa hekk kif fis-sena 2007 għenet sabiex jiġi mwaqqaf it-tim nazzjonali tan-nisa tal-Afganistan. Hi kienet ukoll il-captain ta’ dan it-tim għalkemm dan il-vjaġġ tagħha xejn ma kien faċli minħabba s-sitwazzjoni politika ta’ pajjiżha u aktar minn hekk, it-twemmin xejn sabiħ li n-nisa m’għandhomx dritt jilagħbu l-futbol.
Hi bdiet kampanja bla waqfien sabiex in-nisa Afgani jingħataw opportunitajiet daqs ħaddieħor għalkemm din il-mossa xejn ma kienet daqshekk faċli għaliha u aktar minn hekk bdiet tħossha li ma kinitx sigura f’pajjiżha.
Kien għalhekk li Popal spiċċat eżiljata minn pajjiżha għalkemm b’xi mod sabet ruħha d-Danimarka fejn hemmhekk waqqfet ‘l hekk imsejħa Girl Power Organization.
Girl Power tinkoraġixxi nisa minn madwar id-dinja sabiex jieħdu sehem fl-isport u jagħtu kull opportunita’ lin-nisa refuġjati u dawk immigranti.
Popal kienet tilgħab bħala difensur fil-grawnd u skont ħafna kritiċi, illum qed tilgħab rwol simili fid-dinja politika minħabba li hi d-difensur tad-drittijiet umani madwar id-dinja.
Hekk kif l-Afganistan bħala pajjiż waqa’ taħt it-talibani, Popal qed taħdem bla heda sabiex tgħin numru ta’ nisa mill-pajjiż sabiex jitilqu minn fejn qegħdin u jmorru f’karriera oħra barra fejn hemmhekk ukoll jilagħbu l-futbol. Barra minn hekk, din it-transizzjoni għall-aħjar twassal sabiex aktar nisa jkollhom id-dritt li jilagħbu bħalma wara kollox hi xi ħaġa li hi fundamentali.
Dan is-sit iltaqa’ ma’ Khalida Popal fejn spjegatilna l-filosofija u t-twemmin tagħha lejn ħajja fejn in-nisa jemanċipaw ruħhom dejjem aktar.
Popal kienet mistiedna mid-dipartiment għar-responsabbiltà soċjali tal-Malta Football Association sabiex tieħu sehem f’xi taħditiet dwar dan is-suġġett.
Hija bdiet billi qaltilna li fl-Afganistan il-futbol hu ferm popolari iżda kien biss ristrett għall-irġiel. “Jien minn dejjem kont nilgħab il-futbol għax kont inħobbu bħala sport apparti li għandek l-element kollettiv. Min jaf kemm lgħabt futbol mas-subien fl-għelieqi ta’ ħdejja. Huma kienu jħalluni ta’ tfal li kienu iżda iktar ma bdejt nikber, iktar bdejt nara nies iħarsu biċ-ċiera lejja. Kont insaqsi lili nnifsi jekk kontx qed nagħmel xi ħaġa ħażina billi nilgħab il-futbol u ovvjament aktar ma bdejt nikber indunajt x’kienet ir-raġuni.”
Popal tkellmet dwar dan it-taboo li kien jeżisti f’pajjiżha li xejn ma kien wieħed sabiħ. “Kif għedtlek aktar qabel, il-mentalità tal-Afgani kienet dejjem li l-mara trid tibqa’ d-dar, isservi lir-raġel u ġġib it-tfal fid-dinja. Sibt reżistenza kbira mingħand kulħadd meta ġejt biex nagħti s-sostenn tiegħi lejn il-futbol tan-nisa iżda aktar ma bdejt insib ostakli, aktar issaħħaħt.”
Kif ħassitha Khalida Popal li kienet il-captain tat-tim nazzjonali tan-nisa tal-Afganistan?
“Kien ta’ unur kbir li servejt lil pajjiżi bħala captain. Għalija kelli rwol kruċjali hekk kif ridt inservi mhux biss ta’ eżempju għan-nisa kollha li kienu fl-iskwadra u għal oħrajn li kienu qed jaħsbuha jibdewx jilagħbu l-logħba tal-ballun.”
“Dan il-vjaġġ kien verament twil fejn in-nies tal-post ma ttrattawniex sew u jien personali rċevejt ħafna telefonati u ittri ta’ theddid. Ġieli ġejt imwissija u anke attakkata u dan kien perjodu xejn sabiħ. Kien żmien fejn anke l-bniet li tħajru jilagħbu l-futbol ġew esklużi u fl-iskejjel fejn konna mmorru, huma ma kinux imorru dik il-ġurnata li aħna konna se nilagħbu magħhom. Kien ta’ swied il-qalb li kien qed jiġri hekk iżda jien qatt ma qtajt qalbi u dak li kont nemmen ridt inwasslu lil ħaddieħor. Ġieli ġew mumenti fejn bdejt nibki iżda l-kuraġġ li kelli sabiex nara aktar bniet jilagħbu kien xi ħaġa li lanqas jien stess ma nista’ nispjegah.”
Popal tgħidlna kemm il-politika f’pajjiżha hi ferm diffiċli biex tifhimha speċjalment fejn għandu x’jaqsam nisa. Dawn tal-aħħar kellhom jiżżewġu lill-irġiel li lanqas biss kienu jħobbu u dan kollu ma kien xejn sew.
Kien hawn li Khalida ddeċidiet li titlaq minn pajjiżha u prattikament tibda triq ta’ eżilju li toħodha ‘l bogħod fejn tista’ tipprattika dak li tħobb. B’xi mod spiċċat fl-Iskandinavja eżattament fid-Danimarka fejn f’moħħha beda jberren li tibda moviment li jkattar aktar l-emanċipazzjoni tal-mara. Il-moviment bl-isem ta’ Girl Power, ismu miegħu, li jagħtu aktar drittijiet lin-nisa partikolarment dawk li xtaqu jipprattikaw xi tip ta’ sport.
“Bdejt immur fiċ-ċentri tar-refuġjati fl-Iskandinavja u nippriedka dan it-twemmin tiegħi ma’ nisa li wkoll sabu ruħhom bħala refuġjati. Minn hemm bdejt ngħaqqad timijiet tal-futbol magħmula mir-refuġjati nisa u kien ta’ sodisfazzjon li nara dan in-numru li aktar beda jikber.”
“Illum qed ngħin sabiex aktar nisa Afgani jitilqu mill-pajjiż u jibdew ħajja ġdida f’pajjiż ieħor. Inħoss li għan-nisa ta’ pajjiżi, it-Talibani huma ferm perikolużi u li tkun mara f’dawn iż-żminijiet hemmhekk hi ferm ikkumplikata. Qed inħeġġeġ aktar nisa jimxu fuq il-passi tiegħi u kuntenta li l-messaġġ qed jasal.”
Khalida Popal qed ikollha laqgħat virtwali mal-FIFA sabiex tiġi mgħejjuna twassal dan il-messaġġ li hu ferm kruċjali f’dawk il-pajjiżi li n-nisa m’għandhom l-ebda drittijiet. Minkejja kull diffikulta’ possibbli hi qatt ma taqta’ qalbha u tibqa’ tissielet sakemm tara dak li tixtieq li jseħħ fir-realta’.
Finalment tlabna lil Popal sabiex tgħaddi l-aħħar messaġġ lill-bniet u t-tfajliet li jixtiequ jaqbdu karriera fil-futbol.
“Nemmen li l-futbol hu għal kulħadd, m’hemmx subien jew nisa. Kulħadd għandu dritt sabiex jilgħab il-logħba favorita tiegħu jew tagħha. B’ħeġġa, determinazzjoni, dedikazzjoni u kuraġġ, tasal biex tirnexxi f’dak li tixtieq.”