Monday, March 30, 2026

“Qed inkomplu nilħqu l-għanijiet li sawru l-Ħelsien”

- is-Segretarju Ġenerali tal-GWU Josef Bugeja

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Il-messaġġ tal-Ħelsien li rridu nwasslu llum huwa li filwaqt li għad għandna x’nilħqu, x’nibnu u x’niddefendu, dan il-vjaġġ diġà għaddej u qed iwassal għal riżultati konkreti. Għax bil-ħidma effettiva tagħna, bħala pajjiż u bħala moviment, qed inkomplu nilħqu l-għanijiet li sawru dan il-Ħelsien.

Dan kien il-messaġġ ewlieni li wassal is-Segretarju Ġenerali tal-General Workers’ Union Josef Bugeja waqt ċerimonja biswit il-monument tal-Ħelsien fil-Birgu fl-okkażjoni tas-47 anniversarju mill-kisba tal-Ħelsien u t-tluq tal-bażi militari barranija minn fostna. 

Bugeja qal li fuq l-Għolja tal-Ħelsien, hemm simbolu li jgħaqqad l-istorja tal-pajjiż mal-istorja tal-ħaddiema. Meta l-urna tal-Ħelsien xegħlet, ma kinitx biss att simboliku. Kien att li fih il-moviment tal-ħaddiema kien parti integrali mill-kisba tal-ħelsien.

“Ma nistgħux ma nsemmux lil Ġorġ Agius, is-Segretarju Ġenerali tal-GWU ta’ dak iż-żmien, li flimkien mal-Perit Duminku Mintoff, kien protagonista f’dak il-mument storiku. Dan ifakkarna li l-ħelsien ta’ Malta ma kienx biss proġett politiku, imma wkoll proġett soċjali mibni fuq il-ġustizzja soċjali, solidarjetà u d-dinjità tal-ħaddiema,” qal Bugeja. 

“Imma l-Ħelsien ma kienx biss it-tluq ta’ militar minn Malta. Il-Ħelsien kien ħafna iktar minn hekk. Kien il-Ħelsien minn dipendenza, mill-biża’, mill-ħsieb żgħir li jgħidlek li ma tistax tkun sid ta’ darek. Kien il-ħelsien tal-kuxjenza nazzjonali. Kien il-ħelsien ta’ poplu li ddeċieda li jibni pajjiżu bil-ħidma tiegħu, b’għaqal, b’sagrifiċċju u b’viżjoni.

“U meta nitkellmu fuq il-ħelsien, illum ma nistgħux nillimitaw ruħna għall-passat biss. Għax kull ġenerazzjoni għandha l-ħelsien tagħha x’tikkonfronta. Il-ġenerazzjoni ta’ qabilna ġġeldet għall-ħelsien politiku u nazzjonali. Aħna irridu nkomplu niġġieldu għall-ħelsien soċjali, għall-ħelsien ekonomiku, għall-ħelsien mill-faqar, għall-ħelsien minn xogħol mhux ta’ kwalità u għall-ħelsien minn kull forma ta’ inġustizzja u abbuż li tibqa’ żżomm lin-nies lua,” qal Bugeja. 

Għalhekk tenna li meta nitkellmu dwar il-ħelsien illum, nitkellmu wkoll dwar ix-xogħol ta’ kwalità. “Aħna nemmnu f’Malta fejn ix-xogħol huwa ta’ kwalità, li jħallas sew, b’kundizzjonijiet ġusti. Xogħol li jagħti ċans ta’ tkabbir personali, xogħol li ma jisfruttax lill-bniedem, imma jirrispettah. Għax il-ħaddiem mhux numru. Il-ħaddiem huwa persuna, familja, ħolma, u futur. Kull investiment mhux biss għandu jkun ekonomikament sostenibbli imma wkoll soċjalment sostenibbli.”

U għalhekk, kompla jgħid Bugeja, li l-ġlieda għal ħlas ugwali għal xogħol tal-istess valur kienet essenzjali. Din ukoll tagħmel parti minn din il-viżjoni tal-ħelsien modern. Hawn tkellem ukoll fuq l-inklussività, fejn qal li Malta tal-lum trid tkun Malta li tifhem li l-qawwa tagħha tinsab fid-diversità tagħha. 

“L-oriġini, il-kulur, il-lingwa jew l-istat soċjali ma jistgħux ikunu skuża biex xi ħadd jiġi mċaħħad mid-dinjità tiegħu. Din mhijiex biss kwistjoni ta’ politika tax-xogħol. Din hi kwistjoni ta’ moralità u ġustizzja soċjali,” qal Bugeja. 

“Soċjetà ġusta hi dik li tagħmel l-ugwaljanza realtà”

Is-Segretarju Ġenerali tal-GWU qal ukoll li soċjetà ġusta hi dik li tagħmel l-ugwaljanza realtà li tinħass fil-ħajja ta’ kuljum fil-paga li tieħu, fil-promozzjoni li tingħata, fit-trattament li tirċievi u fir-rispett li jistħoqqlok. 

Qal li għalhekk li l-ħidma li saret fl-aħħar snin ma kinitx biss retorika. Kienet ħidma konkreta għall-kwalità tax-xogħol, għall-implimentazzjoni tal-liġi dwar il-ħlas ugwali għal xogħol tal-istess valur, u għall-bidla fil-mentalità. Għax fi kliemu “li tgħaddi liġi hu pass importanti, imma li timplimentaha u tagħmilha ħajja, u li tkun għodda li tbiddel il-ħajja tan-nies, dak hu l-veru kisba.” 

Dwar il-Viżjoni Malta 2050, is-Segetarju Ġenerali tal-GWU qal li din irridu narawha bħala aktar minn dokument jew slogan. Irridu narawha bħala wegħda nazzjonali – kontinwazzjoni diretta tal-vjaġġ tal-Ħelsien li beda proprju b’din il-ġurnata. “Għax il-Ħelsien ma kienx tmiem. Il-Ħelsien kien bidu. Bidu ta’ responsabbiltà kollettiva li nibnu pajjiż li jkun tassew tagħna – mhux biss fil-fruntieri, imma fil-ħajja ta’ kuljum tan-nies.”

Bugeja qal li l-GWU temmen li bil-Viżjoni Malta 2050, Malta għandha l-potenzjal li tkun pajjiż fejn il-progress ekonomiku ma jsirx minn fuq dahar il-ħaddiem imma flimkien mal-ħaddiem. 

Huwa tenna li jekk il-ġenerazzjoni ta’ qabilna kisbet il-ħelsien politiku u nazzjonali, aħna llum mhux biss għandna r-responsabbiltà li nkomplu nibnu fuqu imma diġà qegħdin nagħmlu dan, billi nsaħħu ħelsien soċjali, ħelsien ekonomiku u ħelsien uman li jinħass fil-ħajja ta’ kuljum tan-nies. Għax il-Ħelsien ma jibqax biss kapitlu fl-istorja imma jsir realtà li qed tinbena kuljum, flimkien. 

“Mela llum, hawn fuq din l-għolja storika, inġeddu l-wegħda tagħna, wegħda ċara u determinata li nkomplu nibnu Malta aktar ġusta, aktar inklussiva, aktar moderna u aktar umana. Malta, fejn kull ħaddiem ikun ugwali.

“Malta fejn ix-xogħol ta’ kwalità u dinjituż mhuwiex aspirazzjoni, imma realtà li qed tissaħħaħ kuljum. Fejn ix-xogħol ta’ kwalità huwa dritt ta’ kulħadd. Malta fejn il-progress jitkejjel mill-ġid li jinqasam, mill-opportunitajiet li jinħolqu u mid-dinjità li ngħixu biha bħala poplu,” tenna Bugeja.

Huwa temm jgħid li l-Ħelsien tagħna jgħix fina u flimkien se nkomplu nagħtuh tifsira ġdida, illum, għada, u għall-ġenerazzjonijiet li ġejjin.

Intant, qabel id-diskors tas-Segretarju Ġenerali tal-GWU Josef Bugeja, l-amministrazzjoni ċentrali tal-GWU akkumpanjati mis-Segretarji tat-Taqsimiet flimkien ma’ uffiċjali oħra tal-union, poġġew fjuri f’riġlejn il-monument fuq l-Għolja tal-Ħelsien. 

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport