Wednesday, October 15, 2025

“Qed inkomplu nwasslu messaġġ ċar favur politika ta’ ugwaljanza bejn il-ġeneri” 

- is-Segretarju Parlamentari Rebecca Buttigieg 

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

“Dawn l-emendi jistgħu jitqiesu bħala rtokk fil-liġijiet imma dan mhux irtokk kożmetiku għax b’dawn l-emendi qed inkomplu nwasslu messaġġ ċar favur politika ta’ ugwaljanza bejn il-ġeneri u qed inneħħu fdalijiet ta’ diskriminazzjoni bejn is-sessi li kien hemm fil-liġijiet tagħna.”

Iddikjarat dan is-Segretarju Parlamentari għall-Ugwaljanza u r-Riformi Rebecca Buttigieg fil-Parlament meta lejla kien qed jiġi diskuss l-Abbozz ta’ Liġi li se jwassal għal emendi f’diversi liġijiet li għadhom jagħmlu distinzjoni bejn il-ġeneri u dan billi jiġu sostitwiti termini għal dawk newtrali fir-rigward tal-ġeneru u titneħħa referenza għad-dota li llum hi istituzzjoni abolita.

Is-Segretarju Parlamentari Buttigieg fissret li ħafna minn dawn l-emendi se jdaħħlu kunċett u lingwaġġ li ma jiddiskriminax bejn il-ġeneri u kull fejn possibbli u jagħmel sens, jintużaw kliem u frażijiet li huma gender-neutral. 

“Sibna f’bosta liġijiet referenza għall-awtorità tal-missier u kliem bħal salesman u workman. Ilkoll naqblu li għandna nibdlu dawn il-kliem biex jirriflettu terminoloġija aktar gender-neutral. 

“B’hekk flok salesman, il-liġi se tinbidel u ssir salespersons u flok workman issir worker, fejn ma tagħmel ebda differenza jekk persuna tkunx mara jew raġel. Fejn hemm referenza għall-awtorità jew bis-setgħa tal-missier se tiġi sostitwita għall-awtorità jew bis-setgħa tal-ġenitur,” kompliet tispjega s-Segretarju Parlamentari Buttigieg.

Hija qalet ukoll li f’dan l-eżerċizzju ġew identifikati numru ta’ avviżi legali li saru bosta snin ilu illi wkoll użaw lingwaġġ u terminoloġija diskriminatorja. “Nifhmu li l-liġi hi ħajja u għalhekk avviżi legali skaduti m’għandhomx jibqgħu fil-kotba tal-liġijiet tagħna. Irridu li l-liġijiet tagħna dejjem ikunu aġġornati għall-ħtiġijiet tas-soċjetà tagħna,” hija żiedet tgħid. 

“Il-lingwa tinfluwenza wkoll il-mod ta’ kif naħsbu dwar xulxin. Għal żmien twil in-nisa kienu esklużi minn ċertu liġijiet bħala mezz biex jiġi ostakolat il-progress tagħhom. Għalhekk b’dawn l-emendi, il-Kamra se tippromwovi qafas legali aktar modern li jsaħħaħ il-valuri tal-ugwaljanza, b’ekwità legali bejn in-nisa u l-irġiel. U naħseb li kulħadd jaqbel li f’għajnejn il-liġi għandhom ikunu rikonoxxuti ndaqs,” temmet tgħid Buttigieg. 

“L-Oppożizzjoni favur dan l-Abbozz ta’ Liġi”

Id-Deputata Nazzjonalista Graziella Attard Previ qalet li l-poplu jrid u jixraqlu l-ugwaljanza. Hija rrimarkat li s-soċjetà mxiet ħafna ’l quddiem u għalhekk il-liġijiet għandhom jirriflettu dan. Fl-istess waqt, irridu wkoll niggarantixxu l-futur li rridu nibnu għall-ġenerazzjonijiet li jmiss. 

Attard Previ ddikjarat illi l-Oppożizzjoni se tkun qiegħda tivvota favur dan l-abbozz ta’ liġi, fejn se jsiru emendi fid-diversi liġijiet li għadhom jagħmlu distinzjoni bejn is-sessi, distinzjonijiet li fi kliemha stess “huma skaduti, mhux preċiżi u forsi wkoll huma inġusti.”

“Dan żgur illi mhux eżerċizzju semantiku, jiġifieri biss fit-tifsira tal-kliem. Aħna l-Maltin għandna ħabta ngħidu: ‘Uwija mhux xorta fhimtni?’ Iżda rridu nirrikonoxxu l-kliem, il-valuri li għandhom għax permezz ta’ din il-liġi se nkunu qed nagħmlu proċess fejn il-kliem jirrifletti s-sewwa. Din hi għalhekk kwistjoni ta’ dinjità, inklużjoni u ugwaljanza,” tenniet Attard Previ. 

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport