Friday, December 12, 2025

Qed inwettqu Rebubblika mibnija fuq ix-xogħol

Stefan Zrinzo Azzopardi
Stefan Zrinzo Azzopardi
Ministru għall-Artijiet u l-Implimentazzjoni tal-Programm Elettorali

Aqra wkoll

51 sena ilu, il-viżjoni u d-determinazzjoni tal-Perit Dom Mintoff waslu biex pajjiżna sar Repubblika. Bidla fil-kostituzzjoni tagħna li għall-ewwel darba jkollna kap tal-istat li jkun Malti bħalna. 

Fid-dikjarazzjoni ta’ Malta repubblika deher biċ-ċar x’tip ta’ Malta riedu l-mexxejja ta’ dak iż-żmien. Ma ridux li pajjiżna ikun rajh f’idejh u jsir repubblika imma repubblika li tkun mibnija fuq ix-xogħol. Din id-dikjarazzjoni turi biċ-ċar kemm għalina, il-ħolqien tax-xogħol f’pajjiżna dejjem kien priorità assoluta. 

Il-Bini tas-Sisien Ekonomiċi ta’ Pajjiżna

Irridu nħarsu ftit lura u nifhmu iċ-ċirkostanżi storiċi ta’ dakinhar li Malta saret repubblika. Kien żmien fejn il-gvern Laburista kien qed jibni s-sisien tal-oqsma industrijali f’pajjiżna. Kien żmien fejn sar xogħol kbir biex f’pajjiżna beda jikber is-settur tat-turiżmu, jinġab investiment barrani minn pajjiżi Ewropej u oħra. Kien iż-żmien li Mintoff u l-gvern tiegħu ħadmu bla heda biex inbniet l-infrastruttura li pajjiżna qatt ma kellu speċjalment fil-portijiet. 

L-isfida dak iż-żmien kienet kif pajjiżna, mingħajr il-bażi militari tal-Ingliżi, kien se jkollu l-ħila biex joħloq ix-xogħol għall-Maltin. Kien pajjiż li kien għadu kif beda jterraq waħdu bi sfidi kbar ma jaqtgħu xejn u żmien ta’ riċessjoni u diffikultajiet kkawżati minn prezzijiet taż-żejt li ġabu lil bosta pajjiżi għarkubtejhom. 

Żmien Iebes u r-Realtà tal-Emigrazzjoni

Bil-mezzi ta’ dak iż-żmien, inkluż bil-ħolqien ta’ kumpaniji nazzjonali f’oqsma differenti, pajjiżna beda dejjem jieħu xejra dejjem aktar aġġornata. Kienet intalbet l-għajnuna minn bosta pajjiżi li anke kienu bagħtu ħaddiema u esperti biex f’Malta jsir dak li kien qed ifassal il-gvern Laburista. 

Wieħed ma jistax jinsa, li ftit tas-snin qabel, il-kriżi ta’ nuqqas ta’ xogħol għal pajjiżna tant kienet kbira, u tant ma kienx hawn opportunitajiet ta’ xogħol, li l-unika soluzzjoni għall-Maltin kienet l-emigrazzjoni. Eluf ta’ Maltin kellhom jitilqu minn Malta biex ifittxu futur lil hinn minn xtutna. Meta Mintoff ħa t-tmexxija tal-pajjiż fl-1971 ma sab ebda ħolqien ta’ opportunitajiet ta’ xogħol, sab ekonomija li kienet qed tgħotor taħt piż ta’ djun li ma kienx hemm x’jagħmel tajjeb għalih. 

Dik hija fi ftit kliem ir-realtà li fiha twieldet Malta Repubblika. Il-viżjoni ta’ Mintoff ta’ Malta Repubblika mibnija fuq ix-xogħol illum qed inwettquha. Qatt daqs illum ma kien hawn żmien li pajjiżna ħoloq daqstant postijiet tax-xogħol. Qatt daqs illum ma kellna rata baxxa ta’ persuni jirreġistraw għax-xogħol. Pajjiżna mhux biss qed iwettaq suċċess fil-ħolqien tax-xogħol, imma qed inħarsu ‘l quddiem b’ottimiżmu li pajjiżna jibqa’ jkun pajjiż tal-ħolqien tax-xogħol. 

Inħarsu ‘l Quddiem

Iċ-ċelebrazzjoni ta’ Jum ir-Repubblika mhux anniversarju ta’ avveniment li seħħ fil-passat. Hija mezz kif aħna infakkru dak li fasslu ta’ qabilna għal pajjiżna, u fuq kollox naraw li nwettqu il-ħolma ta’ Malta repubblika mibnija fuq ix-xogħol. 

Ma nistgħux nieqfu fejn wasalna llum. Irridu nifhmu eżatt dak il-bidliet li qed iseħħu fid-dinja tax-xogħol illum u dak li se toffri d-dinja tax-xogħol fiż-żmien li gej. Irridu nibqgħu inwettqu dak kollu meħtieġ biex nibqgħu inwettqu l-ħolqien tax-xogħol bħala l-għan ewlieni ta’ Malta Repubblika. 

51 sena ilu, pajjiżna irnexxilu jwettaq bidliet kbar biex il-Maltin isibu opportunitajiet li qatt ma ħolmu li jkollna f’pajjiżna. Illum irridu naraw li pajjiżna jibqa’ jwettaq it-tisħiħ, bidliet u dak kollu meħtieġ biex inkunu inkunu Malta repubblika tal-opportunitajiet tax-xogħol, repubblika tal-ħiliet fix-xogħol, repubblika tas-suċċess fl-oqsma tax-xogħol. 

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport