Friday, December 13, 2024

“Qed isir ħafna biex aħna bħala kantanti u mużiċisti nkunu aktar rikonoxxuti”

Aqra wkoll

Il-kantanta u mużiċista Maltija Cheryl Balzan fil-bidu ta’ din is-sena spiċċat fir-raba’ post tal-X Factor Malta 2022. Cheryl għandha talenti mill-aqwa fil-mużika hekk kif apparti li tkanta, taf idoqq il-kitarra.

Hi tiddeskrivi lilha nnifisha bħala tfajla onesta, kreattiva, enerġetika, determinata u li tħoss ħafna għal ħaddieħor.

Dan is-sit iltaqa’ ma’ Cheryl fejn wieħed seta’ jinnota mal-ewwel il-kwalitajiet li ssemmew aktar qabel waqt li kienet qed tkellimna.

Saqsejniha kif bdiet l-imħabba tagħha lejn il-mużika. “Niftakar li ziti kienet tatni kitarra għal għeluq żmieni u bdejt nipprattika biha. Kelli madwar tmien snin. Barra minn hekk kont qed nara b’ċertu interess il-programm MTV Unplugged Sessions u kull meta jkun hemm xi diska jew wirja fuq il-palk ta’ Nirvana, verament kienet l-għaxqa tiegħi nipprova nimitaha. Naħseb dawn l-affarijiet ġegħluni nħobb dejjem aktar il-mużika u llum ninsab hawnhekk fejn temmejt fir-raba’ post tal-X Factor Malta.”

It-tfulija tagħha dejjem tiftakarha relatata mal-mużika fosthom ir-radju li kienet idoqq, il-kitarra li dejjem kienet tkun magħha u s-sigħat sħaħ tkanta. Il-ġenituri tagħha ndunaw li Cheryl kellha l-mużika tagħha fid-demm u komplew ħeġġuha biex issaħħaħ din il-karriera.

Cheryl Balzan iddeskriviet l-esperjenza li kellha f’X Factor Malta bħala waħda verament sabiħa u tlaqqamha bħala ħolma li għaddiet tassew malajr. Għaliha kienet ukoll esperjenza importanti għax tgħallmet ħafna affarijiet li se jgħinuha tkun aħjar fuq il-palk.

Kif spjegat aktar qabel, Cheryl hi dilettanta kbira tal-mużika rock fejn il-kitarra elettronika li għandha tgħinha sabiex toħloq il-mużika li tixtieq. Tieħu gost meta tara l-folla ta’ quddiemha tkompli magħha speċjalment meta d-diska li tkun qed iddoqq u tkanta jkun fiha ħafna ritmu.

“Żgur li kantant li influwenzani ferm f’din il-mixja tiegħi hu Kurt Cobain. Miegħu hemm ukoll Nirvana li ispiratni ħafna biex inkompli nimraħ fid-daqq tal-kitarra.”

“Madankollu l-iktar diska li verament ħadt gost inkanta hi “Everything I do, I Do it for You” mill-film Robin Hood – Prince of Thieves. Din il-kanzunetta tfakkarni ħafna fil-familja tiegħi.”

Din l-istess kanzunetta, adattament fuq dik oriġinali ta’ Bryan Adams “Everything I do, I do it for You” ġabet emozzjonijiet kbar lill-udjenza preżenti li kantant mal-vuċi eċċellenti tal-istess Cheryl Balzan. L-udjenza kellha kliem ta’ tifħir għal din il-wirja b’ħafna jsostnu li leħinha missetilhom qalbhom.

Balzan tgħidilna wkoll li bħala kantanta ħadet gost tkanta d-diska Simply the Best ta’ Tina Turner li tispiraha wkoll flimkien ma’ dawk kollha li semmiet.

Iżda Cheryl kienet qed tistenna dan ir-riżultat f’X Factor Malta?

“Personalment ma bsartx li se jkolli daqshekk suċċess f’dan l-avveniment. L-iktar ħaġa li ssoprenditni kien il-feedback pożittiv li kelli mingħand in-nies, l-udjenza u l-pubbliku inġenerali. Li għamiltha sal-finali kien ta’ unur kbir għalija!”

Insaqsuha kif hi bħala tfajla jirnexxielha tlaħħaq max-xogħol u mal-kant. Hi tgħidilna li mhux biċċa xogħol faċli għalkemm hi bħala persuna tipprova tkun organizzata u tara li tlaħħaq bl-aħjar mod. Għalkemm hi tispeċjalizza fl-accounts, fl-istess waqt fl-X Factor Malta tat prominenza kbira lill-mużika, xi ħaġa li verament tħossha komda u naturali li tagħmel. Fil-fatt waħda mix-xewqat li għandha hi dik li taħdem fil-mużika fuq bażi full-time. Għalkemm mhux xi ħaġa faċli, hi qed taħdem qatigħ sabiex din il-ħolma ssir realta’.

Ambizzjoni oħra li qed tfittex Cheryl Balzan hi proprju li wara li tistabilixxi aktar ruħha fil-mużika, timraħ barra minn xtutna u tipprova tagħmel xi żmien taħdem hemm u ġġib l-esperjenza mużikali li nafu li f’ċerti pajjiżi hi waħda unika.

M’hemmx dubju li l-pandemija tal-COVID-19 fixklet ħafna mill-karriera mużikali ta’ ċerti kantanti, mużiċisti u dawk relatati ma’ dan is-settur minħabba li l-attivitajiet kollha waqfu. Apparti minn hekk, mhux faċli terġa’ tibda wara nuqqas twil ta’ żmien f’kategorija li hi meqjusa ta’ divertiment u għalhekk titqies bħala mhux essenzjali. Madankollu b’xorti tajba din is-sena tnaqqsu ċerti restrizzjonijiet u għalhekk l-artisti li jaħdmu fil-qasam tal-mużika kellhom iċ-ċans li jagħmlu dak li verament iħobbu.

Iżda Cheryl Balzan taħseb li qed isir biżżejjed sabiex il-popolarità tal-mużika Maltija tkompli sejra ‘l quddiem?

“Verament qed nara titjib kbir fejn għandu x’jaqsam il-mużika u l-artisti Maltin. Qed isiru ħafna festivals fosthom Mużika Mużika, l-Għanja tal-Poplu, il-Kanzunetta Maltija għall-Ewropa u l-istess X Factor Malta. Ovvjament fadal aktar xi jsir sabiex intejbu fil-prodott tagħna iżda qed isir ħafna sabiex aħna bħala kantanti u mużiċisti nkunu aktar rikonoxxuti.”

Finalment Cheryl Balzan tiżvela dettall żgħir li għandha l-ħsieb li tieħu sehem f’xi festival lokali ieħor prestiġġjuż matul is-sena 2023 għalkemm ma tatniex aktar dettalji. Nistennew u naraw.

Tlabna lil din il-kantanta żagħżugħ u brava sabiex twassal messaġġ lil dawk it-tfal u ż-żgħażagħ li jixtiequ jaqbdu karriera fil-mużika.

“Jien personalment inħajjar lil kull min jixtieq jaqbad karriera fil-mużika sabiex jagħmel dan għax is-sodisfazzjon li tieħu hu verament kbir.”

“Hu veru li trid tagħmel ħafna sagrifiċċju, xi kultant tiċċaħħad minn xi ħarġa jew tnejn minħabba s-sessjonijiet ta’ taħriġ fil-vuċi li jkollok iżda meta tara r-riżultat finali, ikollok mument fejn tkun kburi.”

“Finalment, jekk għandkom xi kanzunetta miktuba jew inkella ppreparata u li għandha potenzjal, tħallihiex fuq l-ixkaffa iżda ara li toħroġha fil-beraħ għax dik tista’ tkun il-bidu tas-suċċess tiegħek.”

Ekonomija

Sport