Monday, December 23, 2024

“Qed naħdem fuq proġett kbir biex sal-aħħar tas-sena noħorġu madwar għaxar diski oħra”

Shaun Farrugia, il-Malti li kkollabora mad-DJ rinomat Olandiż Martin Garrix

Aqra wkoll

Id-deejay rinomat mill-Olanda, Martin Garrix, għadu kemm ħareġ diska mas-songwriter żagħżugħ Malti Shaun Farrugia. Dan tal-aħħar intgħażel minn Garrix għad-diska bl-isem ta’ Starlight (Keep Me Afloat) li tnediet aktar tard ix-xahar li għadda. Ma’ Garrix u Farrugia kien hemm ukoll is-sehem ta’ żewġ DJs oħra mill-Olanda li huma Victor u Stephan Leicher.

Lanqas laħqu għaddew 24 siegħa li l-kanzunetta ndaqqet għal aktar minn 100,000 darba. Fil-filmat jidher l-istess Shaun Farrugia li kien wieħed mill-imħuħ ta’ din id-diska li diġà kisbet popolarità kbira. Xenarju ieħor sabiħ hu proprju l-istess Farrugia ma’ Martin Garrix fuq dgħajsa f’Amsterdam jiftiehmu u jikkollaboraw flimkien, ritratt li kellu ħafna likes fuq Facebook u Instagram mis-segwaċi tiegħu.

Diska oħra, Starlight ukoll għandha s-sehem taż-żagħżugħ Malti ta’ 25 sena li kien joqgħod San Ġwann u li issa għandu residenza f’Londra. Fuq il-profil personali fuq Facebook, Farrugia kien imbikkem bil-ferħ fejn lanqas ried jemmen lil għajnejh meta l-istess Garrix xtaq jikkollabora miegħu.

Dan il-ġurnal tkellem ma’ Farrugia li deher ferm kuntent u apprezza din l-intervista.

Kif beda l-kuntatt ma’ Martin Garrix?

“Niftakar li kont qiegħed fi Stokkolma fl-Iżvezja meta kont qed nikteb kanzunetta ma’ Albin Nedler. Dan tal-aħħar kien ħabib ta’ Martin Garrix u wara li sema’ l-vuċi tiegħu ddeċieda li jgħinni forsi nwettaq din il-ħolma. Hu ra li kelli potenzjal u l-istess Nedler kien ikkuntattja lil Garrix għal din il-laqgħa li jien lanqas f’mitt sena ma kont qed nistenniha!”

“Fil-verità jien ma kelli l-ebda idea li kien se jseħħ dak li seħħ speċjalment meta l-istess Garrix stedinni sabiex niltaqa’ miegħu f’Amsterdam. Bla dubju li din id-deċiżjoni bidlitli ħajti ta’ taħt fuq. Din hi xi ħaġa li qatt ma bsart li se nesperjenza u għalhekk aktar u aktar ma stajtx nemmen dak li għaddejt minnu.”

Farrugia kkonferma li hu mar jgħix barra minn Malta sabiex jibda proġett individwali iżda ma kienx qed jobsor li kien se jkollu opportunità daqshekk kbira mal-ewwel. Sa qabel ma telaq minn Malta, hu kien jaħdem bħala estate agent fejn kif jgħidu kien jaqlagħha u jikolha b’salarju mhux daqstant kbir iżda li bih kien kapaċi jgħix kif suppost.

Farrugia minn dejjem kien jikteb il-mużika u kien jistqarr m’ommu li xtaq jaqbad karriera mużikali għalkemm din ftit kienet taqbel miegħu aktar u aktar meta f’Malta bil-mużika ma tgħixx.

“Jien bniedem determinat u xtaqt ħafna li x-xogħol full-time tiegħi kien relatat mal-mużika. Ħdimt kemm flaħt, faddalt il-flus u għallinqas irnexxieli mmur Londra.”

Saqsejnieh x’differenza jara fix-xena mużikali Maltija għal dik Ingliża. Hu qal li hemm baħar jaqsam bejn Malta u l-Ingilterra fejn għandu x’jaqsam dan is-settur. Malta hu pajjiż żgħir fejn hemm limitazzjonijiet kbar u biex taqla’ xi ħaġa trid tirsisti ferm u xi kultant mhux dejjem tiġi rikonoxxut kif suppost. Minkejja kollox hu jemmen li f’Malta hawn it-talent u hu biss jekk dan jiġi espost aktar u kull kantant u kittieb tal-mużika f’Malta jimraħ aktar internazzjonalment li jista’ jasal aktar suċċess. 
Mill-banda l-oħra, l-opportunitajiet f’Londra huma numerużi minħabba l-fatt li hemm diversi xows u avvenimenti li jseħħu matul is-sena kollha u dan jgħin sabiex l-artist jimraħ aktar lejn xi kollaborazzjonijiet jew proġetti.

Farrugia jinsab saqajh mal-art minkejja kull opportunità li ġietu s’issa

“Jien ninsab ferm umli u ma rridx li s-suċċess jitlagħli għal rasi. Wara kollox jien ġuvni tipiku Malti minn San Ġwann bħal ħaddieħor. Minkejja li f’Diċembru li ġej se jkolli staff party li fih se niltaqa’ ma’ artisti bħal Sigala u l-istess Martin Garrix, xorta waħda nqis li nagħmel xogħol bħal ħaddieħor. Hu biss kemm tirsisti int li mbagħad tieħu r-riżultati.”

Saqsejna lil Farrugia dwar il-messaġġ tad-diski li ħareġ ma’ Garrix. Hu qalilna li diski bħal Starlight u If You Ever Be Remembered għandhom messaġġ onest u ġenwin ferm. Fih jispikkaw valuri bħat-tama, l-imħabba, l-onestà u l-kuraġġ li tista’ tħares ‘il fuq minkejja kull problema li tista’ tinqala’.

Shaun Farrugia spjega kemm dawn l-aħħar sentejn minħabba l-pandemija tal-COVID-19 kien hemm ħafna negattività u qtigħ il-qalb. Rajna ħafna mwiet, affarijiet koroh jiġru madwarna u restrizzjonijiet li għamlu l-ħajja waħda ferm diffiċli biex tgħix. Ħadd ma kien jaf x’se jiġri u l-inċertezza kienet l-ordni tal-ġurnata. Dawn id-diski li ħarġu Farrugia u Garrix juru messaġġ li l-ħajja fiha ħafna pożittività u li wieħed irid iħares iktar lejhom f’dinja li tinsab maħkuma minn ħafna negattività speċjalment fil-midja soċjali fejn qisu l-affarijiet ħżiena jieħdu iktar importanza minn affarijiet sbieħ li jiġru.

Iżda x’se jkun il-futur ta’ Shaun Farrugia issa li beda jduq dan l-ewwel suċċess?

“Jalla jkolli aktar suċċess fil-futur. Jien mhux se nieqaf żgur issa li għandi wkoll kuntratt fit-tul ma’ Polidor Albums, kumpanija li wkoll ikollha kollaborazzjonijiet ma’ artisti oħrajn fosthom Lady Gaga u Billy Elliott. Ninsab kuntent b’dak li ksibt s’issa u nista’ ngħidlek li qed naħdem fuq proġett kbir sabiex sal-aħħar tas-sena noħorġu madwar għaxar diski oħra.”
“Kif għedtlek jien se nibqa’ saqajja mal-art għax b’hekk dejjem tkun tista’ tara l-ħajja b’mod umli. Jekk wieħed jaħseb li laħaq is-sema b’idejh se jkun imqarraq għax mal-ewwel diżappunt ikollu tisbita kbira.”

Fl-aħħar nett Shaun Farrugia xtaq iwassal messaġġ għal dawk it-tfal u ż-żgħażagħ li qed joħolmu li jibdew karriera fil-mużika.

“L-ewwel u qabel kollox dejjem emmen fil-kapaċitajiet tiegħek. Jekk taħdem, tistinka u tirsisti se tieħu r-riżultati mixtieqa. Ma jfissirx li għax int Malti ma tistax tavvanza. Din hi gidba. Jien bqajt nistinka għax kelli nies li kważi kważi qatgħuli qalbi iżda jien għaddast rasi u bqajt għaddej u llum ninsab hawnhekk.”

“Finalment hu importanti li toħlom għax kif nafu dan il-ħolm kapaċi jsir realtà. Jien minn dejjem ħabbejt il-mużika u minkejja li rajt ħafna limitazzjonijiet, jien bqajt naħdem u biddilt dawn il-limitazzjonijiet f’opportunitajiet. Trid tkun lest li tirriskja sakemm tasal fejn tixtieq u b’hekk tieħu dak li tixtieq.”

Ekonomija

Sport