Sunday, November 24, 2024

Qed naħdmu fuq baġit favur il-klassi medja

- Il-Prim Ministru Robert Abela

Aqra wkoll

“Diġà bdiet ħidma biex f’Ottubru li ġej ikollna budget li jkun wieħed b’saħħtu u pożittiv ħafna. Budget li jindirizza fost oħrajn lill-middle class ta’ dan il-pajjiż, b’inċentivi b’saħħithom. Dak huwa li jeħtieġ il-poplu, aktar injezzjonijiet ta’ fiduċja fin-negozji, fil-familji tagħna.” Hekk stqarr il-Prim Ministru u Mexxej Laburista Dr Robert Abela waqt li kien qiegħed jiġi intervistat fuq ONE Radio.

Waqt l-istess intervista l-Prim Ministru tkellem ukoll dwar ir-rapport tal-Kummissjoni Ewropea li jitkellem fost l-oħrajn dwar is-sussidju tal-Gvern li jagħti lill-poplu biex iżomm il-kontijiet tal-enerġija stabbli u baxxi kemm jista’ jkun.

Il-Prim Ministru Abela qal li dan is-sostenn lill-poplu Malti hu wieħed kruċjali biex il-pajjiż ikun jista’ jibqa’ miexi ‘l quddiem kemm ekonomikament u anke soċjalment. Saħaq li l-Gvern għandu pjan kif iniżżel id-defiċit u dan il-pjan se jwettqu b’suċċess. Dr Abela qal li l-għażla fl-aħħar snin minn kemm ilu fit-tmexxija tal-Gvern il-Partit Laburista kienet jekk ngħinux lin-nies jew le. Sostna li hu dejjem mar lejn id-direzzjoni li ngħinu lin-nies.

Dr Abela qal li hu jinsab konvint li l-pjan li għandu l-Gvern biex inaqqas id-defiċit se jiġi aċċettat mill-Kummissjoni Ewropea għax skont il-kelliem il-Gvern mhux qed jgħin lin-nies biss, iżda għandu pjan sħiħ dwar is-settur tal-enerġija.

Kien hawn li ġibed l-attenzjoni li fi żmien Gvern Nazzjonalista Malta kienet fi proċedura ta’ defiċit eċċessiv. Qal li dak iż-żmien l-istess Gvern Nazzjonalista kien daħħal diversi miżuri ta’ awsterità fuq il-familji bil-konsegwenzi kollha li dawn ġabu magħhom. Il-Prim Ministru ta assigurazzjoni lil kulħadd li l-Gvern mhux se jkun qiegħed jagħti xokkijiet ekonomiċi filwaqt li assigura li l-Gvern għandu pjanijiet li d-defiċit se jkun qiegħed jitnaqqas mingħajr miżuri ta’ awsterità.

Il-Prim Ministru qal li l-Kummissjoni Ewropea rrimarkat għal tkabbir ekonomiku b’saħħtu iżda l-Gvern irid ikompli jġib qabżiet u bidliet ’il quddiem b’ekonomija bbażata fuq il-kwalità. Il-Mexxej Laburista qal li l-messaġġ li wasslilna l-poplu fl-aħħar elezzjonijiet kien ċar. Qalilna li jagħraf u japprezza l-mixja impressjonanti ekonomika ta’ pajjiżna f’dawn l-aħħar snin iżda qalilna wkoll li t-tkabbir ekonomiku u t-tkattir tal-ġid ekonomiku waħdu, mingħajr kunsiderazzjoni b’saħħitha biżżejjed lejn prijoritajiet oħrajn, mhuwiex biżżejjed.

Dr Abela waqt li kompla jitkellem dwar l-ekonomija tal-pajjiż staqsa jekk hux se nkomplu mexjin biex jiżdiedu l-impjiegi jew inkella dwar kemm se jirnexxielna ntejbu l-karrieri. Saħaq li ma rridux biss inħarsu lejn tkabbir ta’ settur imma dwar qabża ta’ kwalità fil-produzzjoni u l-istess dwar il-familji.

Saħaq li l-pass li jmiss se jkun mhux se jkunu qegħdin iżidu d-dħul tagħhom il-familji biss, iżda kemm il-familja tista’ tgawdi dak id-dħul. Il-Mexxej Laburista qal li l-Gvern diġà bdew miexi f’din id-direzzjoni u qegħdin jittieħdu ħafna deċiżjonijiet, iżda hemm bżonn li aktar deċiżjonijiet jittieħdu b’pass aktar mgħaġġel.

Ma setax jonqos li l-Prim Ministru jitkellem dwar id-diskussjoni li għaddejja fil-Unjoni Ewropea dwar it-tmexxija l-ġdida tal-istess Unjoni li mistennija tibda l-ħidma tagħha aktar tard din is-sena. Il-Prim Ministru qal li fis-summit li sar ma kienx hemm qbil dwar il-karigi, iżda hemm bażi ta’ ftehim. Sostna li nhar il-Ħamis u l-Ġimgħa li ġejjin se jkun qiegħed isir is-summit formali li fih mistennija jkun hemm qbil u jekk ma jkunx hemm allura l-mexxejja Ewropej jibqa’ għaddejjin bid-diskussjoni sakemm ikun hemm qbil.

Dr Abela qal li hu jemmen li l-Unjoni Ewropea għandha tkun dik li tirrappreżenta diversi valuri fuq quddiem nett dak tas-soċjal. Saħaq li hemm numru ta’ prinċipji fid-diskussjoni fosthom anke l-messaġġ li riedu jwasslu l-popli Ewropej fl-elezzjoni li għadhom kemm saru.

Irrefera wkoll għall-aġir tal-Kap tal-Oppożizzjoni li skont il-kelliem mhux kapaċi jintrefa ‘l fuq mill-partiġjaniżmu anki barra minn pajjiżna. “Aħna qatt mhu se mmoru nagħmlu ħsara lill-pajjiżna barra minn Malta”, qal il-Prim Ministru.

Fi tmiem l-intervista l-Prim Ministru u Mexxej Laburista Dr Robert Abela tkellem dwar il-ħidma li bdiet mill-ewwel ġranet mill-Ewro-Parlamentari Laburisti eletti. Qal li t-tlieta li huma jaqblu li għandhom ikollhom preżenza aktar qawwija fil-komunità Maltija biex il-ħsibijiet tal-poplu Malti jkunu jistgħu jitressqu fuq nett tal-aġenda Ewropea.

Dwar il-Kunsilliera eletti f’isem il-PL, Dr Abela ħeġġiġhom biex mhux biss iwettqu l-pjan imwiegħed fil-lokalitajiet, imma biex jibqgħu l-vuċi tan-nies u jkomplu jwasslulna l-prijoritajiet tan-nies.

Sport