“Dan huwa settur li sejjer tajjeb ħafna. Sena fuq sena qed nibnu rekords ġodda.” Iddikjara dan il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu (MTA) Carlo Micallef f’kummenti ma’ L-Orizzont b’rabta mar-riżultati fit-turiżmu għas-sena 2025.
Micallef innota li s-sena li għaddiet waslu Malta aktar minn erba’ miljun turist li bejniethom iġġeneraw fl-ekonomija nazzjonali mhux inqas minn €3.9 biljun. Dan ifisser li l-ammont ta’ turisti li waslu Malta fl-2025 kien ta’ 12.9% aktar minn dak irreġistrat fis-sena ta’ qabel filwaqt li n-nefqa żdiedet bi 18.6% fuq is-sena ta’ qabel.
“Dan juri li qed nattiraw turiżmu li jħalli iżjed fil-pajjiż,” qal il-Kap Eżekuttiv tal-MTA filwaqt li semma kif b’aktar minn 25.4 miljun lejl li t-turisti qattgħu f’Malta, il-gżejjer Maltin irreġistraw l-akbar żieda fl-Unjoni Ewropea, 11% aktar mill-2024. Fl-istess perjodu, iż-żieda medja tal-UE kienet ta’ 2%.
“Qegħdin niffokaw li nattiraw turiżmu matul is-sena kollha sabiex ma jkollniex biss it-turiżmu tas-Sajf. Dan jagħmel industrija aktar profitabbli, li toffri karrieri u tkun mutur ewlieni fl-ekonomija f’pajjiżna,” tenna Micallef.
Mistoqsi dwar il-kampanji ta’ reklamar li qed isiru mill-MTA, Micallef qal li jużaw ħafna l-pjattaformi tal-midja soċjali fosthom il-paġna ta’ Visit Malta fuq Facebook u Instagram, fejn isir aċċenn kbir fuq is-siti storiċi, l-istorja ta’ pajjiżna, il-gastronomija u dak kollu li hu ta’ wirt Malti.
“Aħna qed immorru hemm inbigħu l-esperjenzi li turist jista’ jgawdi meta jiġi f’pajjiżna. Qed naraw li nippromwovu l-arti u l-kutlura kif ukoll avvenimenti li jkollhom iżjed laqta tradizzjonali.
“Niffokaw fuq l-aspett Malti; il-prodotti Maltin, l-artiġjanat Malti, l-esperjenzi fil-kampanja Maltija, il-kunċett farm to fork u anke esperjenzi fl-irziezet Maltin. Dawn huma esperjenzi li qegħdin noffru lit-turist. Malta għandna l-vantaġġ li f’distanzi qosra tilħaq il-kampanja tagħna,” temm jgħid il-Kap Eżekuttiv tal-MTA.
Sadanittant, fi stqarrija, l-Awtorità Maltija tal-Lukandi u r-Ristoranti (MHRA) laqgħet l-aħbar li l-2025 kienet sena rekord għat-turiżmu f’Malta u qalet li r-riżultati miksuba jirriflettu l-viżjoni sostnuta, l-investiment u l-ħidma kollettiva fl-industrija kollha.
Il-President tal-MHRA Tony Zahra qal li “r-riżultati tal-2025 jikkonfermaw kemm l-istrateġija turistika ta’ Malta hija waħda li tħares ’il quddiem u hija wkoll effettiva.”
L-Assoċjazzjoni faħħret ukoll ir-rwol tal-MTA għall-mod kif poġġiet lil Malta fis-swieq internazzjonali u l-allinjament tagħha mal-prijoritjaiet nazzjonali.
“It-tkabbir mhuwiex ta’ tħassib, iżda ta’ opportunità. Jagħtina l-ispazju li niffokaw fuq valur akbar, kontribut ekonomiku aktar b’saħħtu u involviment aktar profond tal-komunità f’linja mal-viżjoni fit-tul għal Malta,” temmet tgħid l-MHRA.

