F’kummenti li għadda lil talk.mt, il-Ministru għat-Turiżmu Clayton Bartolo qal li t-turiżmu inġenerali jħalli impatt importanti fl-ekonomija tal-pajjiż. Is-sħubija li bħala ministeru qed jagħmlu mal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu qed tħalli riżultati mixtieqa u biha qed igawdu mhux biss l-operaturi tal-lukandi, is-sewwieqa u x-xufiera ta’ taxis u kowċis u kull min imiss direttament mat-turiżmu iżda wkoll iż-żgħażagħ Maltin.
Iżda kif jara s-sena 2022 bħala Ministru tat-Turiżmu?
“Nista’ ngħid li s-sena 2022 kienet sena ta’ rkupru ferm importanti għal pajjiżna. Wara s-sentejn ta’ pandemija li sfrattaw mhux ftit l-andament tat-turiżmu, esperjenzajna żieda kbira fejn saħansitra qbiżna l-istennija li kellna. Fil-fatt hekk kif proġettajna li jkollna madwar 1.8 miljun turist, dawn saħansitra saru 2.2 miljun li ġew f’pajjiżna tul is-sena 2022, dawk li kellhom ikunu l-ewwel 12-il xahar normali wara l-pandemija tal-COVID-19.”
U x’se nkunu qed nistennew tul is-sena 2023?
“Qed nistennew li nkomplu nżidu ma’ din iċ-ċifra tant sabiħa ta’ 2.2 miljun turisti. Irridu nkomplu nagħmlu t-turiżmu aktar sostenibbli għal pajjiżna filwaqt li minnhom igawdu aktar ħaddiema li huma relatati ma’ din l-aktar industrija f’pajjiżna.”
Clayton Bartolo ikkonkluda billi qal li bħala ministeru qed jaħdmu sabiex isir ftehim akbar dwar it-titjiriet minn u lejn pajjiżna ma’ linji tal-ajru maġġuri sabiex il-gżejjer Maltin ikunu milħuqa aktar filwaqt li anke l-Maltin stess jibbenefikaw minn dan kollu u jqattgħu l-vaganza jew btala tagħhom fil-pajjiż partikolari.
Fuq kollox, Bartolo temm jgħid li hu fiduċjuż li bis-sehem ta’ kulħadd, dawn ir-riżultati jistgħu jkomplu jitjiebu sabiex l-ekonomija Maltija tkompli tkun waħda ferm sostenibbli.