Tuesday, May 14, 2024

Is-sena 2023 se tkun aħjar minn ta’ qabilha?

Aqra wkoll

Is-sena li se tintemm illum mat-tokki ta’ nofsillejl nistgħu ngħidu li kienet waħda karatterizzata minn ġrajjiet imħallta, ġrajjiet li wħud minnhom se jibqgħu immarkati bi swied il-qalb fl-istorja tal-umanità. Il-pandemija tal-Covid li ħakmet minn sentejn ilu qatlet miljuni ta’ nies u wkoll il-gwerra fl-Ukrajna maħluqa mill-invażjoni militari Russa.

Fil-bidu tas-sena 2022, minkejja li kważi l-pajjiżi kollha kienu fl-eqqel tal-pandemija, b’danakollu d-dinja ħarset b’ottimiżmu li l-affarijiet kienu se jkunu aħjar milli kienu fis-sena ta’ qabel. L-invażjoni Russa fl-Ukrajna fit-tieni xahar ta’ din is-sena u l-kriżijiet li ħolqot mhux biss dgħajfet dan l-ottimiżmu imma dawritu f’tensjoni internazzjonali li għadha tinħass sal-lum.

Fl-isfond ta’ dan kollu, allura wieħed bir-raġun kollu jistaqsi x’se ġġib magħha s-sena l-ġdida 2023. Se ġġib magħha awguri li jisfumaw fix-xejn ftit wara? Se ġġib magħha aktar ħruxija u qtil ta’ nies kaġun tal-gwerra? Se jirnexxielna bħala komunità internazzjonali fis-sena li ġejja noħorġu mill-kriżi ta’ prezzijiet dejjem jogħlew? Kemm se jistinkaw iktar il-pajjiżi għonja biex irażżnu t-tibdil u t-tisħin tal-klima li diġà qed toħloq diżastri umani, soċjali u ambjentali?

Dawn ilkoll huma, fil-fehma tagħna, mistoqsijiet pertinenti li jinħtieġu mhux biss tweġiba imma azzjoni immedjata, jekk verament l-umanità qed taspira għal sena ġdida aħjar minn ta’ qabilha.

Dan kollu qed nistqarruh għaliex pajjiżna ma jgħix f’bozza jew f’iżolament. Pajjiżna huwa parti mid-dinja u jintlaqat ukoll minn dak kollu li jkun qed jiġri kif jintlaqtu pajjiżi oħra anki jekk forsi mhux bl-istess intensità.

Fil-kuntest ta’ dan, il-poplu Malti għandu jkun mhux biss ottimist imma wkoll fiduċjuż li lkoll kemm aħna, xprunati mill-ħidma għaqlija u l-inizjattivi tal-Gvern favur il-familji, it-12-il xahar li ġejjin nagħmluhom ferm aħjar minn dawk li għadhom kif għaddew.
Irridu qabel kollox imma inwarrbu minn fostna l-kultura tal-intolleranza u l-mibgħeda li għadhom magħna forsi wkoll kawża tal-partiġġjaniżmu politiku sfrenat u nifhmu li għandna nkunu poplu magħqud għax fuq kollox aħna poplu wieħed, bi lsien wieħed li jiddistingwina minn popli oħra.

Quddiem dan kollu aħna fiduċjużi li kif għamilna fl-imgħoddi qarib meta ffaċċjajna u għelibna kull sfida li sibna ma wiċċna, hekk ukoll se nibqgħu nagħmlu fis-sena li ġejja biex jibqa’ jkollna pajjiż b’saħħtu li jagħti għajxien ta’ kwalità lill-poplu tiegħu.

Sport