Saturday, December 21, 2024

“Qegħdin imutu ħafna nies, ngħin lill-mamà, ma nistax immur skola jew nara lin-nanniet…”

Aqra wkoll

Minn CARMEN CACHIA

F’dan il-perjodu partikolari fl-istorja kemm lokali, kif ukoll internazzjonali, it-tfal ukoll intlaqtu minn tibdil li qatt ma esperjenzaw bħalu qabel. Dan b’mod speċjali l-miżura ta’ prevenzjoni li din is-sena ma jkollhomx aktar skola, kif ukoll dik li ma joħorġux barra u allura qegħdin iqattgħu ħafna ħin id-dar. Inewsmalta ħa l-perspettiva ta’ dawn iċ-ċkejknin li fl-innoċenza tagħhom tkellmu magħna dwar kif il-Coronavirus affetwalhom ħajjithom.

Dan is-sit staqsa lil grupp ta’ tmint itfal, magħmul minn ħamest ibniet u tliet subien, dawn il-mistoqsijiet u huma min-naħa tagħhom irrispondewna hekk:


Isem: Emma Marie Vella
Età: Tmien (8) snin
Fejn toqgħod: Żebbug
Skola: Mater Boni Consilii St Joseph, Paola
Passatempi: Żfin u tpinġija

1. X’tifhem int bil-kelma Coronavirus?

Huwa virus li jinfirex u jittieħed malajr. Beda fiċ-Ċina u issa qiegħed kważi mad-dinja kollha. Bih qegħdin imutu ħafna nies għalkemm hemm ħafna li qegħdin ifiequ.

2. Kif qiegħda tqatta’ ħinek id-dar?

Minħabba fih qiegħed ikollna noqogħdu ġewwa, ‘il bogħod mill-familji u l-ħbieb. L-iskejjel kollha magħluqin allura rridu nagħmlu attivitajiet fid-dar. Jien nagħmel il-homework li tibaghtilna l-għalliema, nagħmel xi krafts mal-mamà u oħti, nagħmel video calls mal-familja u l-ħbieb, naqra, nilgħab u nsajjar mal-mamà. Ġieli jkolli lezzjonijiet taż-żfin online għax ma nistax immur.

3. Kif taħseb li nistgħu neqirduh il-Coronavirus?

Jekk kulħadd jobdi r-regoli li jagħtuna fil-konferenzi l-Ministru u Dr Charmaine, nistgħu neqirdu l-virus. Irridu noqogħdu ġewwa, naħslu jdejna regolarment, meta nagħtsu u nisogħlu ngħattu ħalqna u nużaw tissue. Fuq kollox nitolbu li l-ixjenzjati jsibu xi mediċina jew titqiba biex ifejqu lin-nies u ma jibqgħux imutu.

4. X’hija l-ewwel ħaġa li se tagħmel la jispiċċa l-Coronavirus?

Immur nara lill-familja kollha u ngħannaqhom tgħannieqa kbira kbira għax qiegħda nimmisjahom ħafna.

5. X’inhu l-appell tiegħek għan-nies li hemm barra?

Oqgħodu ġewwa, obdu r-regoli għax flimkien nistgħu neqirdu dan il-virus. U itolbu għat-tobba u l-infermiera li qegħdin jieħdu ħsieb lill-morda.


Isem: Isaac Aquilina
Età: Tmien (8) snin
Fejn toqgħod: Swatar
Skola: Kulleġġ Missjunarju ta’ San Pawl
Passatempi: Tpinġija u nilgħab

1. X’tifhem int bil-kelma Coronavirus?

Li jkun hemm virus li jkun qiegħed jinxtered kullimkien. 

2. Kif qiegħed tqatta’ ħinek id-dar?

Qiegħed nitla’ fuq il-bejt niġri fuq ir-rota, inpinġi u nilgħab l-affarijiet li nħobb fosthom “Uno”. Qiegħed nagħmel anke l-homework u nsegwi l-video calls tal-iskola. Ngħin fid-dar billi ngħin lil ommi hija u taqla’ l-ħwejjeġ u anke nbattal id-dishwasher. Ma’ ħija Timothy qiegħed nilgħab aktar, speċjalment il-logħba “Monopoly”.

3. Kif taħseb li nistgħu neqirduh il-Coronavirus?

Irid ikollna ħafna infermiera u tobba. Barra minnhekk hemm bżonn inġibu l-mediċina għalih.

4. X’hija l-ewwel ħaġa li se tagħmel la jispiċċa l-Coronavirus?

L-ewwel ħaġa li se nagħmel hija li mmur l-iskola għax qiegħed inħoss ħafna in-nuqqas tal-ħbieb u l-għalliema tiegħi.

5. X’inhu l-appell tiegħek għan-nies li hemm barra?

Jien ngħid grazzi lit-tobba u lill-pulizija. 


Isem: Jack Vella
Età: Sitt (6) snin
Fejn toqgħod: San Pawl il-Baħar
Skola: Seminarju
Passatempi: Idoqq il-kitarra, drums, tennis u attivitajiet sportivi

1. X’tifhem int bil-kelma Coronavirus?

Naf li rridu naħslu ħafna idejna u li ma nistax nara lin-nanniet. Minħabba l-Coronavirus qiegħed ikollna noqogħdu d-dar sakemm jgħaddi kollox, imma ma nafx meta se jispicca kollox. Naf li ma nistax immur il-bandli u lanqas l-iskola. Imma mhux qiegħed nibża’ sakemm noqgħod id-dar mal-mamà u l-papà. 

2. Kif qiegħed tqatta’ ħinek id-dar?

Qiegħed nagħmel xogħol tal-iskola imma qiegħed nagħmlu mid-dar fosthom il-Matematika, l-Ingliż, ix-Xjenza, il-Malti u l-Franċiż. Naħdem ftit u nilgħab ftit. Qiegħed indoqq il-kitarra wkoll u issa tgħallimt nagħmel l-A minor fuqha. Imma l-aktar li qiegħed nieħu gost huwa meta nikkampjaw id-dar. Għandna tinda u qegħdin norqdu fiha jien u Kane. Vera nieħdu pajcir! Ġieli nilagħbu “Uno” mal-mamà u mal-papà u ġieli noqogħdu nagħmlu l-eżercizzji meta l-coach tiegħi jibagħtli l-videos. Qiegħed nieħu gost ngħaddi l-ħin mal-mamà , mal-papa u ma’ Kane. 

3. Kif taħseb li nistgħu neqirduh il-Coronavirus?

Irridu naħslu ħafna jdejna u nkunu ndaf il-ħin kollu. Għalhekk, hemm bżonn li nieħdu ħafna showers u rridu nieħdu l-vitamini ħalli nkunu b’saħħitna. 

4. X’hija l-ewwel ħaġa li se tagħmel la jispiċċa l-Coronavirus?

Nixtieq nieħu l-ġugarell favorit tiegħi u mmur nilgħab il-bandli.

5. X’inhu l-appell tiegħek għan-nies li hemm barra?

Kunu kuraġġjuzi u tibżgħux. Toqgħodux tinkwetaw, se nkunu OK.  


Isem: Petra Farrugia
Età: Seba’ (7) snin
Fejn toqgħod: Ħaż-Żebbuġ
Skola: St Joseph School, Blata l-Bajda
Passatempi: Ballet u żfin

1. X’tifhem int bil-kelma Coronavirus?

Il-virus imarrad lin-nies u huwa perikoluż għall-ħajja tan-nies, speċjalment tan-nanniet tagħna. Minħabba fih kulħadd qiegħed ikollu jibqa’ ġewwa. Lanqas skola ma nistgħu mmorru għax il-Coronavirus jittieħed.

2. Kif qiegħda tqatta’ ħinek id-dar?

Nilgħab ma’ oħti, nagħmel il-homework u l-krafts. Ngħin lill-mummy ukoll. Xorta qegħdin nirċievu l-homework kuljum u nużaw l-App “Zoom” għal-lezzjoniijiet taż-żfin jew biex nitkellmu mal-għalliema.

3. Kif taħseb li nistgħu neqirduh il-Coronavirus?

Billi nsibu tilqima li nistgħu nieħduha, imma din għadhom ma sabuhiex. U billi noqogħdu d-dar u ma noħorgux ħlief biex nixtru l-ikel. Irridu noqogħdu metru ‘l bogħod ukoll.

4. X’hija l-ewwel ħaġa li se tagħmel la jispiċċa l-Coronavirus?

Bla dubju mmur l-iskola għax qiegħda nimmissja ħafna lill-ħbieb tiegħi.

5. X’inhu l-appell tiegħek għan-nies li hemm barra?

Ma joħorġux u lit-tfal. L-oħra biex ma jmorrux għand in-nanniet, imma jkellmuhom fuq telefon jew “Facetime”. Jien hekk nagħmel.  


Isem: Kaitlyn Muscat
Età: Tmien (8) snin
Fejn toqgħod: Zurrieq
Skola: St Francis School, Cospicua
Passatempi: Għawm sinkronizzat u krafts

1. X’tifhem int bil-kelma Coronavirus?

Huwa virus li jaffettwalek il-pulmun u tinxtered bil-mod il-mod. Taffettwalek l-organi u tista’ twassal għall-mewt. Huwa virus li laqgħat lid-dinja kollha partikolarment liċ-Ċina, lill-Italja, lill-Awstralja, lil Spanja u anke lill-Amerika fost l-oħrajn.

2. Kif qiegħda tqatta’ ħinek id-dar?

Qiegħda nagħmel xogħol tal-iskola u anke krafts. Indur bir-rota fuq il-bejt u nagħmel ukoll taħriġ fiżiku biex inżomm ruħi b’saħħti.

3. Kif taħseb li nistgħu neqirduh il-Coronavirus?

Aktar milli nistgħu neqirduh, nistgħu nieħdu miżuri biex nikkontrollawh. Importanti li naħslu jdejna ta’ spiss, nillimitaw kemm noħorġu barra. Nimxu ma’ dak li jgħidulna l-awtoritajiet tas-saħħa u nżommu d-distanza minn xulxin. Meta tħossok ma tiflaħx evita l-kuntatt man-nies. Għandna wkoll nitolbu ħalli jsibu mediċina biex inkunu nistgħu nfejqu lil min għandu dan il-virus.

4. X’hija l-ewwel ħaġa li se tagħmel la jispiċċa l-Coronavirus?

Noħroġ barra, immur ġirja tajba u nibda r-rutina li kont imdorrija fiha. Ħafna darbi nħoss in-nuqqas ta’ sħabi. M’għadnix attiva kif kont qabel u nħoss in-nuqqas tat-tagħlim. 

5. X’inhu l-appell tiegħek għan-nies li hemm barra?

Huwa importanti li jobdu lill-Profs. Gauci. Importanti li joqogħdu d-dar, joħorġu biss meta jkun hemm bżonn, jużaw l-ingwanti, inaddfu jdejhom ta’ spiss u jirrispettaw lin-nies ta’ madwarhom. Huwa importanti wkoll li n-nies ma jixtrux aktar milli għandhom bżonn biex kulħadd, meta jfittex, isib.  


Isem: Giorgia Mae Abela
Età: Tmien (8) snin
Fejn toqgħod: Marsaskala
Skola: San Anton
Passatempi: Ġinnastika, tisjir, żfin u qari

1. X’tifhem int bil-kelma Coronavirus?

Tip ta’ virus li faċli jgħaddi minn persuna għall-oħra u s-sintomi tiegħu huma sogħla, deni u qtugħ ta’ nifs.

2. Kif qiegħda tqatta’ ħinek id-dar?

Inqatta’ l-ħin mal-mamà, insajjar, naqra u nagħmel il-homework li tagħtini l-għalliema.

3. Kif taħseb li nistgħu neqirduh il-Coronavirus?

Importanti li toqgħod id-dar, taħsel idejk ta’ spiss u noqogħdu attenti.

4. X’hija l-ewwel ħaġa li se tagħmel la jispiċċa l-Coronavirus?

Immur għand in-nanna u nagħtiha tgħanniqa u mmur nilgħab mal-kuġini.

5. X’inhu l-appell tiegħek għan-nies li hemm barra?

Oqogħdu d-dar, aħslu jdejkom regolari u obdu lill-awtoritajiet tas-saħħa. Ngħid ukoll lil kulħadd, kuraġġ.  


Isem: Mikael Balzan
Età: Disa’ (9) snin
Fejn toqgħod: Ħad-Dingli
Skola: Santu Wistin
Passatempi: Football, krafts u gaming

1. X’tifhem int bil-kelma Coronavirus?

Bil-Coronavirus nifhem pandemija ġejja minn Wuhan u li tista’ tinfirex fi żmien qasir ħafna madwar id-dinja.

2. Kif qiegħed tqatta’ ħinek id-dar?

Id-dar nilgħab, naħdem ix-xogħol tad-dar li ħafna minnu qabel kien isir l-iskola, nistudja u naqra xi ftit u ngawdi l-ħin mal-familja tiegħi.

3. Kif taħseb li nistgħu neqirduh il-Coronavirus?

Il-virus nistgħu neqirduh billi nieħdu ħsieb l-iġene tagħna u billi ma noħorġux jekk mhux għal vera bżonn.

4. X’inhija l-ewwel ħaġa li se tagħmel la jispiċċa l-Coronavirus?

Se niltaqa’ maz-zijiet u man-nanniet li ili ma ngħannaq għal iktar minn xahar.

5. X’inhu l-appell tiegħek għan-nies li hemm barra?

Jien nappella biex nieħdu ħsieb xulxin, nisimgħu mill-awtoritajiet tas-saħħa u nibqgħu kalmi u paċenzjużi.


Isem: Yasmeena Sammut
Età: Disa’ (9) snin
Fejn toqgħod: Ir-Rabat
Skola: San Anton
Passtempi: Pjanu, kant, nilgħab bliskuter u tpinġija

1. X’tifhem int bil-kelma Coronavirus?

Dan huwa virus li jmarrad lin-nies. Jixbah lill-influwenza iżda m’hemmx kura għalih għax għadhom qegħdin ifittxuha.

2. Kif qiegħda tqatta’ ħinek id-dar?

Jien impenjata ħafna. Meta ma jkollniex vaganzi għandi lezzjonijiet onlajn filgħodu kollu, inkella ngħin lil ommi fid-dar u fit-tisjir. Naqra u ndoqq il-pjanu kuljum. Għandi erba’ aħwa u għalhekk il-ġranet tiegħi interessanti xorta.

Ħija u jien nimmaġinaw li l-kmamar tagħna huma postijiet differenti għalhekk ngħidu li mmorru nieklu firrestorant li fil-fatt hija l-kamra tal-pranzu jew iċ-ċinema li hija l-kamra tat-televixin. Kuljum nagħmel eżerċizzji fiżiċi ma’ ħuti u nilagħbu fil-ġnien meta ma tkunx xita.

3. Kif taħseb li nistgħu neqirduh il-Coronavirus?

Nistgħu nagħmlu dan billi naħslu jdejna tajjeb ħafna bis-sapun, ma mmissux wiċċna u ma npoġġux idejna f’ħalqna. Nevitaw imissu l-pumijiet u oġġetti oħra f’postijiet pubbliċi. Importanti li naħslu jdejna dejjem u mhux issa li għandna din il-problema. Il-ħasil tal-idejn jgħin biex ma nxerrdux mard.

4. X’inhija l-ewwel ħaġa li se tagħmel la jispiċċa l-Coronavirus?

Immur nara lin-nanniet tiegħi u niltaqa’ mal-ħbieb l-iskola. Barra minn hekk irid nerġa’ nara lill-għalliema u l-qraba tiegħi.

5. X’inhu l-appell tiegħek għan-nies li hemm barra?

Oqogħdu d-dar kemm jista’ jkun. Oħorġu biss meta jkollkom verament bżonn. Użaw dan il-ħin biex tgawdu lill-familja, xi ħaġa li mhix daqstant possibbli fir-rutina bieżla tas-soltu.

Ekonomija

Sport