Friday, December 13, 2024

“Qegħdin niddefendu lilna nfusna”

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

Fl-indirizz tiegħu lill-poplu Ukren il-President Putin ta fid-dettal ir-raġunijiet tiegħu għall-invażjoni u meta wieħed jisimgħu sew, jara li hemm ċertu dettalji ta’ attentati ta’ negozjati min-naħa tar-Russja kif ukoll lati oħra, li mhumiex jaslu lill-pubbliku. 

Putin saħaq li, “qegħdin niddefendu lilna nfusna minn theddid maħdum apposta kontrina u għal periklu agħar minn dak li qiegħed iseħħ bħalissa. Qiegħed nitlob biex taħdmu magħna ħalli nbiddlu din is-sitwazzjoni traġika malajr kemm jista’ jkun u biex flimkien nimxu ‘l quddiem mingħajr ma nħallu lil ħadd jindaħal… biex noħolqu kundizzjonijiet favorevoli ħalli negħlbu dawn il-problemi u nissaħħu flimkien minkejja li hemm konfini li jifirduna”.

Vladimir Putin mill-bidunett saħaq li jrid il-paċi u proprju għall-finijiet ta’ paċi għamel tmien snin jinnegozja biex jieqfu l-attakki u l-qtil ta’ Russi fl-Ukrajna. Sostna li, “l-għan wara l-operazzjoni kienet li nipproteġu lin-nies li għal tmien snin sħaħ kienu umiljati u sar ġenoċidju mir-reġin ta’ Kiev. Aħna ridna li nneħħu l-armi u l-aspett Nażist mill-Ukrajna”.

Il-mexxej Russu semma’ s-sitwazzjoni ta’ Donbass fejn insista li kien hemm tbagħbis f’elezzjoni biex jitneħħa mill-poter president li kellu relazzjonijiet tajba mar-Russja. Spjega li għal tmien snin sħaħ ir-Russja għamlet minn kollox biex isibu soluzzjoni politika paċifika iżda “kollox kien għal xejn”. 

“Kif għidt diġà, ma stajniex ma nħossux għal dak li kien qiegħed jiġri hemm. Saret sitwazzjoni intollerabbli. Kellna nwaqqfu l-atroċitajiet, il-ġenoċidju ta’ miljuni ta’ nies li kienu jgħixu hemm li kienu jittammaw fir-Russja. Kienu l-aspirazzjonijiet, ix-xewqat u l-uġigħ ta’ dawn in-nies ir-raġuni ewlenija li waslitna biex nirrikonoxxu lil Donbass bħala repubblika”. 

Huwa qal li n-NATO, għall-interessi tagħhom, qegħdin jappoġġjaw lin-nazzjonalisti tal-lemin estrem u neo-Nażisti fl-Ukrajna u li dawn qatt m’huma se jaħfru lil Crimea u lil Sevastopol talli għażlu liberalment li jerġgħu jingħaqdu mar-Russja. Putin jemmen li dawn iċ-ċittadini, ukoll, huma f’periklu imminenti li jiġu attakkati. 

Fl-indirizz tiegħu l-mexxej Russu qal li fl-2014 pajjiżu ħassu obbligat li jipproteġi lin-nies tal-Crimea u Sevastopol minn dawk li l-Ukreni stess isejħu ‘nats’. “Ma ħallewniex triq oħra ħlief li niddefendu lir-Russja u lin-nies tagħna għajr dik li qegħdin inkunu mġiegħla nagħmlu bħalissa,” kompla Putin.

“Xebgħa gideb u ipokresija”

Fid-diskors tiegħu l-President Russu reġa’ rrepeta l-fatt li r-Russja aċċettat ir-realtà ġeo-poltika ġdida wara li spiċċat l-Unjoni Sovjetika u li huma dejjem ittrattaw tajjeb lill-istati post-Sovjetiċi. B’ton sod huwa ddikjara li m’għandu ebda ħsieb li jokkupa lill-Ukrajna. Qal li, “però, ir-Russja ma tħosshiex sigura, ma tistax tiżviluppa u teżisti meta trid tiffaċċja theddid kontinwu mit-territorju tal-Ukrajna”.

Putin qal li bħalissa li l-Ukrajna hija ostaġġ u li din is-sitwazzjoni qiegħda tintuża kontra pajjiżu u n-nies tiegħu. “Huwa fatt li għal dawn l-aħħar 30 sena, b’paċenzja kbira ppruvajt nasal għal ftehim mal-pajjiżi ewlenin fin-NATO dwar il-prinċipji ta’ sigurtà ugwali u indiviżibbli fl-Ewropa. Bħala risposta għall-proposti tagħna ffaċċjana qerq ċiniku u gideb… pressjoni u rikatt, mentri l-alleanza Nord Atlantika kompliet tespandi minkejja l-oppożizzjoni u t-tħassib tagħna. L-operazzjonijiet militari tagħhom imexew u waslu bieb u għatba mal-konfini tagħna”.

L-akbar tħassib tal-President Russu huwa t-theddid fundamental mill-politiċi tal-Punent li jagħmlu b’mod konsistenti, b’mod goff, sena wara l-oħra fuq ir-Russja. “Qiegħed nirreferi għall-espansjoni lejn il-Lvant tan-NATO li qiegħda tmexxi l-infrastruttura militari tagħha dejjem aktar viċini mal-konfini tar-Russja,” spjega Putin.

Filwaqt li saħaq li hemm pajjiżi li fl-interess tagħhom huwa li jkissru lir-Russja u li jkunu huma s-superpotenzi, il-mexxej Russu qal li dan mhuwiex il-każ biss tar-Russja. “Fil-prattika, ir-relazzjonijiet internazzjonali u r-regoli kellhom jikkonsidraw il-bdil li seħħ fid-dinja u l-bilanċ bejn il-forzi. Dan missu sar b’mod professjonali u b’paċenzja, kif ukoll b’attenzjoni u rispett fl-interess tal-istati kollha bir-responsabbiltajiet individwali tagħhom. Minflok, rajna stat ta’ uforja li ġie b’sens ta’ superjorità assoluta, f’forma ta’ assolutiżmu modern flimkien ma’ livelli kulturali baxxi u arroganza minn dawk li għamlu u imbottaw id-deċiżjonijiet tagħhom għax jaqblilhom,” kompla Vladimir Putin.

“Kull fejn indaħlet l-Istati Uniti, kien hemm tixrid ta’ demm…”

Hawnhekk il-mexxej Russu elenka għadd ta’ pajjiżi “vittmi” ta’ manipulazzjoni ġeo-politika għall-interessi tal-kbar fosthom il-bombardamenti fuq Belgrad fiċ-ċentru tal-Ewropa li “l-kollegi tal-Punent jippreferu jinsew dawn il-fatti u evitaw li jitkellmu dwar il-liġi internazzjonali”; l-użu illegali militari kontra l-Libja “b’konsegwenza li wasslu lill-pajjiż f’xifer ta’ katastrofi umanitarja”; “l-agressjoni” fuq is-Sirja mmexxija mill-koalizzjoni tal-Punent kontra l-approvazzjoni tal-gvern Sirjan u tal-Kunsill tas-Sigurtà tal-Ġnus Magħquda; u “l-invażjoni tal-Iraq li saret illegalment bi skuża” li l-Istati Uniti għandhom informazzjoni li fl-Iraq hemm armi tal-qerda tal-massa biex wara, dan irriżulta li ma kienx minnu.

Putin qal li, “b’mod ġenerali jidher li kważi kull reġjun fejn l-Istati Uniti ndaħlet biex ikun hemm ordni u rispett lejn il-liġijiet, din ikkawżat tixrid ta’ demm, is-saħta ta’ terroriżmu u estremiżmu internazzjonali. Ma’ dawn hemm il-wegħdiet li n-NATO assolutament mhux se tespandi lejn il-Lvant b’ċentimetru iżda, fi kliem sempliċi, lagħbuna. Iva ta’ spiss jingħad li l-politika hija maħmuġa, imma m’għandhiex tkun daqshekk! Fejn hija l-ġustizzja u l-verità? Gideb u ipokrezija biss”.

Huwa qal li jsibha diffiċli li ma jaqbilx ma’ dak li jingħad minn politiċi Amerikani, xjenzati fuq l-istudji politiċi u ġurnalisti, li fis-snin riċenti l-Istati Uniti ffabrikat “imperu ta’ gideb”. Dan il-gideb Putin qal li huwa imitat minn blokk ta’ pajjiżi fil-Punent. Putin iċċara li, “wara li spiċċat l-Unjoni Sovjetika, ir-Russja moderna dejjem riedet taħdem b’mod onest mal-Istati Uniti u l-imsieħba tagħhom tal-Punent fi ftehim biex jitneħħew l-armi unilateralment, iżda huma immedjatament ippruvaw jeqirduna”. 

“L-Istati Uniti b’aġenda…”

Hawnhekk huwa qal li minkejja kollox f’Diċembru li għadda, ir-Russja reġgħet ippruvat tasal għal ftehim mal-Istati Uniti u l-alleati tagħha fuq il-prinċipji tas-sigurtà Ewropea u li n-NATO ma tkomplix tespandi, iżda l-isforzi tagħhom kienu għal xejn. Żied jgħid li l-Istati Uniti biddlet il-pożizzjoni tagħha kompletament u bdiet timxi fuq l-aġenda tagħha fejn ma baqgħetx tiddiskuti mar-Russja fuq affarijiet importanti għaliha.

“Dawk li jimmiraw li jiddominaw lid-dinja ddikjaraw lir-Russja bħala għadu. Mexxejja ta’ pajjiżi jinbidlu imma l-preżenza militari f’territorji mar-Russja, jekk nippermettuha, se tibqa’ għal għexirien ta’ snin jekk mhux għal dejjem u toħloq theddida serja u inaċċettabbli għar-Russja,” kompla Putin. 

Huwa qal li għall-Istati Uniti u l-alleati jridu jikkontrollaw lir-Russja u jillimitawha billi jifirdu l-pajjiżi. Putin qal li kull infrastruttura militari tan-NATO fl-Ukrajna hija ta’ theddida serja u sostna li tali installazzjonijiet militari jservu biss bħala għodda għall-politika barranija tal-Istati Uniti. Fit-territorji li jmissu mar-Russja, Putin qal li gruppi kontra r-Russja qegħdin jiffurmaw u huma kkontrollati minn barra. Il-mexxej Russu spjega li dawn il-gruppi qegħdin jagħmlu minn kollox biex jattiraw lill-forzi armati tan-NATO u jiksbu armamenti perikoluż. 

“Għal pajjiżna din hija kwistjoni ta’ ħajja u mewt, kwistjoni ta’ futur storiku bħala nazzjon. Din mhiex esaġerazzjoni. Dawn huma l-fatti. Mhux biss din hija ta’ theddida serja għall-interessi tagħna, imma għall-eżistenza tal-istat u s-sovranità tagħna,” temm il-President Russu, Vladimir Putin. 

Profil:

Isem: Vladimir Vladimirovich Putin

Data tat-twelid: 7 ta’ Ottubru, 1952

Post tat-twelid: Leningrad (issa San Petersburgu);

Reliġjon: Ortodoss

Edukazzjoni: Studja l-liġi fl-Università tal-istat ta’ Leningrad;

Karriera: Eks membru tal-KBG (16-il sena); u politika (President bejn l-1999 u l-2008 u mill-2012 s’issa); Prim Ministru bejn l-1999 u l-2000;

Statut: Iżżewweġ lil Lyudmila Shkerbneva u ddivorzja fl-2014

Ulied: Mariya Putina u Yekaterina Putina

Nannu ta’ żewġ subien imwield fl-2021 u l-2017;

Fl-ewwel term ta’ presidenza tiegħu Putin irnexxielu jkabbar l-ekonomija Russa għal tmien snin konsekuttivi b’żieda ta’ 72% tal-Prodott Gross Domestiku;

Passatempi: Judo – Waħda mis-sanzjonijiet imposti fuqu kienet dik li rrevokawlu ċ-ċinturin l-iswed li tant kien kburi bih, jipprattika l-Karate, iħobb jara l-football u t-tim favorit tiegħu huwa l-FC Zenit Saint Petersburg.

Figuri uffiċjali juru li Putin għandu paga modesta bħala mexxej iżda skont politiċi fl-oppożizzjoni u ġurnalisti, Putin huwa wieħed, jekk mhux l-aktar, raġel sinjur fid-dinja b’biljuni ta’ Ewro taħt rasu, ajruplani privati, proprjetà, kif ukoll ilbies tad-ditta u arloġġi li jiswew ħafna flus.

Aqra iktar: PUTIN: In-naħa l-oħra tal-munita…

Ekonomija

Sport