Wednesday, March 27, 2024

PUTIN: In-naħa l-oħra tal-munita…

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

Il-President Russu, Vladimir Putin, bħalissa huwa kkonsidrat bħala l-aktar raġel perikoluż fid-dinja wara li ordna invażjoni fl-Ukrajna u ordna biex l-armi nukleari jkunu ppreparati għal kull eventwalità. Putin issa aktar minn qatt qabel, huwa kkonsidrat ta’ theddida għal paċi u s-sigurtà dinjija. Is-swaba’ huma ppuntati kollha lejh hekk kif, b’mod speċjali l-Istati Uniti u l-pajjiżi tal-Punent,  qegħdin jikkundannawh u jimponu sanzjonijiet ħorox b’ritaljazzjoni għall-aġir tiegħu. 

Ħafna mir-rapporti fil-midja wkoll għaddejjin b’kampanja negattiva ħafna dwar Putin fejn ħafna drabi, spiċċajna nisimgħu qanpiena waħda. Imma, ikun nuqqas jekk ma nwasslux il-pożizzjoni tan-naħa l-oħra. In-naħa l-oħra tal-munita… X’inhuma r-raġunijiet li Putin ta għall-pass li għamel meta attakka lill-Ukrajna? Ir-raġunijiet ewlenija li ta hija dik tad-difiża tal-pajjiż u taċ-ċittadini Russi, inklużi dawk f’territorji fl-Ukrajna. 

Putin, li kulħadd jitkellem dwaru, ġie ttimbrat bħala dittatur miġnun u fi skrutinju dwar ħajtu jingħad li huwa dak li huwa llum il-ġurnata minħabba trawma li sofra fi tfulitu meta l-ġenituri tiegħu tawh lil koppja sorrugata biex trabbih. Il-mexxej Russu ġie analizzat minn professjonisti internazzjonali anke dwar il-mixja tiegħu fejn innotaw li huwa u jimxi id waħda jxejjirha ‘l fuq u ‘l isfel mentri l-oħra jżommha dritta ‘l isfel. Dwar din, l-esperti kkonkludew turija ta’ raġel li ħa taħriġ intensiv fil-KGB u li jħossu superjuri u dominanti. 

Fost l-attakki personali fil-konfront tal-mexxej Russu, issemma’ wkoll il-lat personali u intimu ta’ Putin. F’rapporti tkellmu dwar iż-żwieġ li kellu Putin fejn allegaw lil kien isawwat lil martu u li għalih is-sess huwa ineżistenti.

Minkejja dan, diversi persuni tkellmu favur Putin, fosthom l-attur Gerard Depardieu fejn pubblikament talab biex iħallu lil Putin bi kwietu u minflok jaraw kif se terġa’ tirrenja l-paċi. L-eks President Donald Trump ukoll li ma kienx hemm gwerer u żamm lir-Russja “kwieta”.

Mingħajr dubju, ebda raġuni fid-dinja ma tiġġustifika gwerra u qtil ta’ persuni innoċenti, inklużi s-suldati. Qatt m’huwa ġustifikabbli li tintuża forza letali biex wieħed jasal għas-soluzzjoni li kien qiegħed ifittex huwa. Imma, x’inhi skont Putin is-sitwazzjoni? Huwa minnu li talab u stinka biex tinstab soluzzjoni paċifika? U jekk dan huwa l-każ, għala ma sarx hekk?

Aqra iktar: “Qegħdin niddefendu lilna nnfusna”

Ekonomija

Sport