Monday, December 23, 2024

QIES XJENTIFIKU

Aqra wkoll

Li t-tisħin tal-klima hu fenomenu li qed iseħħ tassew issa ġie aċċettat minn
kważi kulħadd. Dawk li jridu jibqgħu jiċħduh saru minoranza li għoddha skredidata. Fuq sisien dinji, qed jiġru żviluppi li jagħtu xhieda tat-tisħin li għaddej, bħal pereżempju bis-silġ fil-poli li qed idub b’rata qawwija.

Li għad ma jeżisitx tajjeb biżżejjed naħseb, hu kejl xjentifiku ta’ kif dat-tisħin
qed jolqot pajjiżi u reġjuni differenti. Veru jissemmew in-nirien kbar li jaħkmu foresti jew iż-żieda mhux mistennija tat-temperatura fl-oċeani. Imma matul id-deċennji seħħew diversi bidliet klimatiċi kkawżati minn ċaqliq temporanju fil-kondizzjonijiet tal-atmosfera jew tal-kurrenti fil-baħar li ma kellhom xejn x’jaqsmu mat-tisħin dinji.

Il-kejl irid ikun wieħed li jagħraf id-differenza bejn bidla li hi temporanja u
oħra kkawżata mit-tisħin sistemiku fil-klima; irid ikejjel xjentifikament dan tal-aħħar u jpoġġih f’miżura waħda ma’ oħrajn bħalu, pajjiż pajjiż u reġjun reġjun. B’hekk kulħadd, joqgħod fejn joqgħod, ikun jaf kif qed jintlaqat direttament mit-tisħin.

SUSPETT

Kemm-il darba jissemmew ċerti riżultati edukattivi f’Malta li mqabbla ma’ ta’
pajjiżi Ewropej oħra mhumiex sbieħ; fosthom dwar in-numru ta’ studenti li ma jkomplux l-iskola, jew ma jaslux għal kompetenzi bażiċi ta’ edukazzjoni. U dan minkejja li komparattivament, in-nefqa Maltija ras imb’ras fuq l-edukazzjoni hi fost l-ogħla fl-Ewropa.

Issa għal min josserva “minn barra” xinhu jiġri fl-edukazzjoni ta’ pajjiżna
bilfors iqum is-suspett li biex nilqgħu għal dil-problema, qed tiġi addottata strateġija żgarrata.

Minflok tinbeda ħidma tat-tul (u iebsa – nammetti) biex ir-riżultati jitjiebu, qed jitbaxxew u jinħallu l-kwalifiki u l-kontenuti tat-tagħlim. Fuq il-karta, ir-riżultati se jidhru aħjar, fir-realtà nkunu morna passi lura mhux ’il quddiem.
B’xorti ħażina dan is-suspett qiegħed jiżdied, mhux jonqos.

PRIM MINISTRU

Ma nistax nifhem eżatt kif ixxenxel l-iskandlu politiku li xegħel dan l-aħħar fl-
Awstralja bid-deċiżjoni li kien ħa l-eks Prim Ministru Morrison meta kien għadu fil-kariga: daħal bħala ministru fuq – u ma’ – ħames ministri li nżammu fil-kariga tagħhom. Dawn ma ġewx informati li Morrison daħal fuqhom. U lanqas mhi ħaġa ċara x’wettaq b’hekk.

Hu ddefenda ruħu billi qal li fi żmien ta’ emerġenza kbira (waqt il-pandemija)
kien importanti li jkollu kontroll personali fuq l-aqwa oqsma. Iżda jekk l-anqas l-istess ministri konċernati ma kienu jafu bil-biċċa u lanqas indunaw, x’kontroll effettiv kellu? U xi bżonn kien hemm tassew għal li “għamel”?

L-istorja hi stramba għall-aħħar, inkluża d-deċiżjoni tal-Gvernatur Ġenerali
Awstraljan li jagħti l-ġuramenti ta’ ħatra segretament lil Morrison meta diġà kien hemm ministri ieħor appuntati.

Ekonomija

Sport