Saturday, December 21, 2024

“Qomt maħsuda bil-ħoss qawwi ta’ bombi jisplodu”

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

Ukrena residenti Malta fi vjaġġ perikoluż ta’ ħamest ijiem biex tirritorna f’pajjiżna…

Il-ħerba u l-massakru li jseħħu fi gwerra jibqgħu ttimbrati f’moħħna anke jekk ninsabu ‘l bogħod siguri f’pajjiż ieħor insegwu dak li qiegħed jiġri. Ir-realtà kiefra ta’ ġlied sfrenat b’armamenti letali bejn żewġ pajjiżi hija ferm aktar trawmatika u traġika għal dawk li jkunu involuti fiha. Biex wieħed verament jifhem xi tfisser gwerra mingħajr ma jgħixha b’periklu għal ħajtu, irid jisma’ dak li jgħaddu minnu dawk maqbuda fiha. 

Dan is-sit tkellem ma’ Elena Orlova, kunduttriċi tal-okestra residenti Malta, li kienet fl-Ukrajna meta bdiet l-invażjoni Russa. Ħajjitha u ħajjet iċ-ċittadini kollha Ukreni nqalbet ta’ taħt fuq meta fl-24 ta’ Frar fil-5.00 ta’ filgħodu, l-armata Russa nvadiet it-territorju tagħhom u bdiet gwerra kbira. 

“Dakinhar li bdiet l-invażjoni Russa qomt maħsuda bil-ħoss qawwi ta’ bombi jisplodu. Din saret eżattament bl-istess mod li kien għamel Hitler meta bbombardja lil Kiev lura fl-1941, nhar it-22 ta’ Ġunju. Ma nistax nemmen li huwa possibbli li fiż-żminijiet tal-lum qiegħed isseħħ dan fl-Ewropa,” bdiet tirrakkonta b’dieqa Orlova.

“Fil-verità ma ridtx nitlaq minn Kiev”

L-Ukrena miżżewġa mużiċist li wkoll jaħdem u joqgħod Malta kienet waħidha meta bdew l-attakki fl-Ukrajna. “Żewġi rrealizza li kont kompletament waħdi u beża’ ħafna. Fil-verità ma ridtx nitlaq minn Kiev. Naf li diffiċli tifhmuha iżda f’sitwazzjoni kerha bħal din, kollha kemm aħna bdejna naraw kif ngħinu lil xulxin u x’nistgħu nagħmlu biex pajjiżna jibqa’ sod u joħroġ rebbieħ minn dan l-għawġ,” spjegat Olova.

Hija qalet li l-maġġoranza tar-residenti fl-inħawi fejn kienet telqu fl-ewwel jum tal-gwerra u oħrajn anke qabel. Dan minħabba li hawnhekk kienu jgħixu ħafna nisa u tfal u t-theddida ta’ invażjoni mir-Russi kienet ilha tinħass. Fil-fatt hija tistqarr li l-Ukreni kienu ilhom jafu “li din f’xi ħin jew ieħor se sseħħ”.

Orlova stqarret li fl-attakki rrealizzat li jekk jiġrilha xi ħaġa, ħadd ma kien se jkun jaf. B’dan il-ħsieb f’moħħha hija aċċettat li tivjaġġja ma’ ħabiba tagħha lejn il-konfini fil-Punent. “Offritli li teħodni magħha biex inkun nista’ nirritorna għand żewġi u aċċettajt. Il-vjaġġ, però, ma kienx wieħed faċli anzi, kien mimli perikli u sofferenzi,” spjegat il-mara.

Din l-Ukrena qaltilna li tul dan il-vjaġġ għamlu ġranet bla rqad u ikel sakemm fl-aħħar, fil-ħames jum waslu r-Rumanija. Mal-konfini Orlova sabet għajnuna mhux mistennija b’mod spejċali mingħand ħafna uffiċjali tal-pulizija lokali, ambulanzi u volontiera. 

“Offrewli l-għajnuna tagħhom f’dak kollu li kelli bżonn sa anke ħaduni bla ħlas lejn il-belt ta’ Piatra-Neamt li kien jirrikjedi vjaġġ ta’ tliet sigħat. Tawni akkomodazzjoni komda fejn qadt jumejn, kif ukoll tmawni. Fi triqti lejn Bucharest tawni l-flus u qbadt ajruplan,” qalet b’kommozzjoni kbira Orlova. Hija rritornat Malta qawwija u sħiħa għajr ġrieħi ħfief li sofriet f’dan il-vjaġġ. 

Mal-wasla tagħha hija ġiet mitluba tagħmel perjodu ta’ kwarantina. Rigward din il-kwarantina mandatorja minħaba l-pandemija tal-Covid-19, hija appellat lill-awtoritajiet tagħna biex, minħabba ċ-ċirkostanzi serji ta’ gwerra li qegħdin jiffaċċjaw l-Ukreni, din il-miżura għandha tkun eżentata.

“Naraw l-aħbarijiet kollha li jixxandru mill-bliet tal-Ukrajna u nitolbu. Din il-gwerra hija terribbli. Kull gwerra hija terribbli u hemm bżonn li tieqaf” – Elena Orlova

“Din mhiex gwerra kontrina biss!”

Orlova wissiet li l-gwerra minn Putin mhiex immirata kontrihom biss. Insistiet li f’dawn il-mumenti diffiċli pajjiżha qiegħed jitlob għall-għajnuna tal-pajjiżi kollha tad-dinja, kif ukoll li jingħaqdu magħhom fil-ġlieda kontra Putin. “Faċli tikser subgħa, iżda diffiċli ħafna tikser ponn. Nitolbu li tiffirmaw petizzjoni mondjali biex jingħalaq l-ispazju tal-ajru fuq l-Ukrajna. Kull għajnuna se tressaqna aktar viċin lejn rebħa. Rebħa li se tkun tagħna lkoll… Rebħa kontra għadu komuni, l-għadu tal-ħażen. Meta ngħid dan il-kliem, m’inix nesaġera,” kompliet din l-Ukrena.

Hija qalet li l-Ukrajni kollha jobogħdu lil Putin u li huma lest li jiġġieldu sal-aħħar biex jiddefendu lil pajjiżhom. “Ilna għal ħafna snin inbagħtu mill-politika mdemmija tiegħu. Qiegħed ikisser lil pajjiżna u mhux lil pajjiżna biss. Hemm ħafna oħrajn li kellhom l-istess sitwazzjoni għax jibda gwerra f’pajjiżi differenti bl-iskuża falza ta’ konflitt,” sostniet Orlova. Din il-mara nsistiet li l-President Russu jigdeb u li ħafna miċ-ċittadini tiegħu jemmnuh.  Żiedet tgħid li, “id-dinja kollha tifhem dan id-diżastru barra dawk li ma jistgħux jirraġunaw b’moħħhom jew inkella ma jridux”.

Orlova qalet li n-nies fil-Ukrajna bħalissa qegħdin isofru l-kruha tal-gwerra. Hija ddeskriviet pajjiżha bħala wieħed maħkum min-nirien, tifrik mill-bombi, attakki bir-rockets, invażjoni ta’ tankijiet tal-gwerra, kif ukoll sparar mill-ajru u mill-art f’kull direzzjoni, inkluż f’żoni residenzjali. 

Ġustifikament hija u żewġha huma inkwetati ferm għal dak li qiegħed jiġri f’pajjiżhom. Hemmhekk għandhom qraba, ħbieb u anke proprjetà. Orlova ta’ spiss tkun f’kuntatt magħhom. Minħabba din is-sitwazzjoni traġika din il-mara qalet li l-ħin kollu qiegħda tispiċċa tibki. 

Spjegat li, “naraw l-aħbarijiet kollha li jixxandru mill-bliet tal-Ukrajna u nitolbu. Din il-gwerra hija terribbli. Kull gwerra hija terribbli u hemm bżonn li tieqaf”. Hija qasmet magħna r-realtà kerha li niesha qiegħed ikollhom jibqgħu lejl u nhar fix-shelters iżda li fil-verità, tisħaq li m’hemmx biżżejjed shelters biex kulħadd jistaħba fihom u jkun ftit sigur. 

“L-Ukreni huma poplu kbir u nemmen li se nerbħu”

“L-Ukreni f’Malta jistgħu jitolbu għalina u jkomplu jgħinu kif diġà qegħdin jagħmlu b’modi differenti,” spjegat Orlova. Bħala għajnuna mill-Maltin u mill-pajjiżi l-oħra, barra l-għeluq tal-ispazju tal-ajru, hija qalet li hemm bżonn urġenti ta’ għajnuna militari b’armamenti u tobba, kif ukoll reġgħet saħqet fil-ħtieġa li pajjiżi oħra jingħaqdu f’din il-gwerra. Rigward għajnuna umanitarja, din l-Ukrena residenti Malta appellat biex jinġabar u jintbagħat ikel, mediċini u ħwejjeġ ħoxnin li jilqgħu għall-kesħa. Barra minnhekk hija qalet li f’pajjiżha hemm ħafna nies morda li għandhom bżonn urġenti ta’ mediċini importanti għal ħajjithom.

Mistoqsija dwar kif taħseb li se tiżvolġi l-gwerra f’pajjiżha, Orlova qalet li taf li hemm Ukreni minn Malta, kif ukoll minn pajjiżi oħra, li qegħdin jirritornaw fl-Ukrajna biex jiġġieldu. 

Imbikkma, iżda pożittiva ħafna, hija qalet li, “hemm ħafna filmati li juru persuni mhux armati, anke anzjani, li fiżikament qegħdin jimblokkaw it-triq bil-għan li jwaqqfu t-tankijiet tal-gwerra. Qegħdin jgħinu wkoll persuni fuq is-siġġijiet tar-roti u dawk bla saqaf fuq rashom. Qegħdin niġġieldu għal art twelidna u ovvjament għall-President tagħna. Kburin bih. Huwa mexxej u eroj… xempju ta’ reżiljenza u kuraġġ. L-Ukreni huma poplu kbir u nemmen li se nerbħu”.

Ekonomija

Sport