Thursday, December 26, 2024

Qrati aktar diġitali: proċessi aktar effiċjenti, effettivi u aċċessibbli

Aqra wkoll

Il-Ministru għall-Ġustizzja u l-Governanza Edward Zammit Lewis ħabbar emendi fil-liġi tal-Kodiċi Kriminali biex tkun tista’ tittieħed kopja diġitali tal-proċessi fil-ġurisdizzjoni inferjuri u superjuri. Din hija ħolqa oħra biex tiġi implimentata l-istrateġija diġitali nazzjonali.

Il-Ministru Zammit Lewis spjega li din l-emenda prinċipalment se tiżgura li l-files attwali jiġu ġestiti aħjar u ser telimina l-eventwalità li għal xi raġuni jew oħra dawn id-dokumenti ma jitpoġġewx f’posthom. Dan ser jissalvagwardja wkoll il-wear and tear ta’ dawn id-dokumenti importanti.

Din il-miżura se tnaqqas ukoll il-piż fiżiku fuq l-impjegati li jġorru dawn id-dokumenti kuljum filwaqt li se titnaqqas ukoll il-burokrazija fejn jidħol l-iffirmar biex dawn l-atti jew dokumenti jittieħdu minn post għall-ieħor. L-avukati, il-prokuraturi legali u l-ġudikatura ser ikollhom ukoll aċċess aħjar għad-dokumenti. Għalhekk, dan ser iwassal biex jitnaqqas id-dewmien. Fl-aħħar nett, dan kollu ser iħalli impatt pożittiv fuq l-ambjent, b’inqas użu ta’ karti. 

Il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija għas-Servizzi tal-Qorti, Eunice Grech Fiorini, u r-Reġistratur tal-Kriminal, Franklin Calleja, qalu li din l-emenda kienet waħda bżonjuża li ser iżżomm il-Qrati ta’ Malta aġġornati maż-żminijiet. Huma enfasizzaw dwar l-importanza li wieħed jifhem li dan kollu ser isir fuq medda ta’ żmien. Madanakollu, il-proċess ser ikun kontinwu b’timeline preċiż. Fit-teknika tagħha, is-sistema li ser tiġi introdotta ser tirreġistra kull file li jasal, ser jittieħed rendikont ta’ liema paġni tkun saret kopja diġitali tagħhom, liema qorti qed titratta, il-ġudikatura, in-numru tal-file, id-data meta wasal il-file biex issir kopja diġitali tiegħu u d-data ta’ meta l-file jittieħed lura f’postu.

Il-Ministru Zammit Lewis fakkar li l-għan prinċipali għal dawn l-emendi dejjem jibqa’ wieħed, li l-proċeduri u l-proċessi mħaddma jwasslu għal aktar effiċjenza, effettività u aċċessibbiltà fis-sistema ġudizzjarja. “Ser nassiguraw li l-mezzi moderni u diġitali jsiru prattika ordinarja fil-qrati tagħna, b’hekk inkomplu ninvestu f’Malta moderna li timxi maż-żminijiet kurrenti u f’sistema ġudizzjarja aktar effiċjenti”.

Ekonomija

Sport