Friday, November 29, 2024

QRIB IN-NIES

Aqra wkoll

Stqarrija li saret komuni għall-politiċi kollha hi li huma baqgħu u se jibqgħu “qrib in-nies”. Biex inkun onest, insibha stqarrija ftit imħawda. F’pajjiż ċkejken bħal tagħna, bilfors kulħadd jgħix qrib ta’ kulħadd. Li tisma’ x’qed jgħidu n-nies forsi tkun espressjoni aktar preċiża għalkemm imbagħad tqum il-mistoqsija – Imma x’jiġri minn dak li wieħed ikun sema’? Jew il-mistoqsija: Liema nies qed jinstemgħu?

Hi ħaġa ċara li l-għajta ta’ “qrib in-nies” hi maħsuba biex tpoġġi emfażi fuq kif il-politiċi li jieħdu d-deċiżjonijiet (mill-gvern u mill-oppożizzjoni) ma nqatgħux mill-ħajja ordinarja taċ-ċittadini. Mhumiex jgħixu f’xi torri tal-avorju. Forsi ftit tista’ titwemmen dil-ħaġa, talanqas fil-maġġoranza tal-każi.

Riċentement, l-aktar mod effettiv kif l-idea ġiet espressa kien ta’ Bill Clinton fid-diskors li għamel waqt il-konvenzjoni Demokratika fl-Istati Uniti li nnominat lil Kamal Harris għall-elezzjoni presidenzjali tal-ħarifa. Harris, qal Clinton u tkerrah ċajtier, bħala President se tiksirlu r-rekord tiegħu, tal-President li l-aktar qatta’ żmien f’ħanut tal-McDonald’s.

KOALIZZJONIJIET

Il-maġġoranza tal-pajjiżi Ewropej huma mmexxija minn koalizzjonijiet. Hemm min isostni li dan hu l-aħjar mod ta’ tmexxija f’demokrazija parlamentari għax jevita d-“dittatura” li tirriżulta meta partit wieħed ikun fit-tmun u b’hekk tevita l-estremiżmi. Dan kien jintqal l-aktar qabel ma partiti “estremi” bdew jiddaħħlu fil-koalizzjonijiet (fl-Awstrija, l-Finlandja, l-Italja (?), is-Slovakkja, u dan l-aħħar l-Olanda).

Ġudizzju aktar diffiċli hu dwar kemm il-koalizzjonijiet jistgħu jkunu effiċjenti. Meta jkunu wisq mifruxa, iż-żmien li jittieħed sakemm tinstab triq ta’ kompromess jista’ jdaħħal il-fehma li l-gvern mhux qed jasal. Dan aktar jekk firdiet bejn il-membri differenti tal-gvern isiru publiċi. L-eżempju ta’ dan qed jagħtih il-gvern Ġermaniż attwali, imsejjaħ tad-dwal tat-traffiku għax magħmul mis-“sofor”, mill-“ħodor” u mill-“ħomor”.

TERRORIŻMU

Il-kelma terroriżmu tilfet kull valur biex tfisser in-natura ta’ ċertu tip ta’ ħidma vjolenti. Li r-Russi jużaw il-kelma kontra l-Ukrajni u viċi-versa ma jagħmel l-ebda sens. Anke bħala propaganda, ma titwemminx. L-istess, l-użu tagħha mill-Iżraeli kontra l-Palestinjani.

Oriġinarjament jekk niftakar tajjeb, il-kelma kienet tfisser ħidma vjolenti mmexxija minn persuna/persuni li huma kontra poter leġittimu u stabbilit, li jqisu ruħhom bla ebda sehem fid-deċiżjonijiet tal-komunità u jiddeċiedu anke akkost li jitilfu ħajjithom, li joħolqu xi forma ta’ straġi.

Illum dak li jitlaqqam terroriżmu sar jinkludi wkoll ħidma minn stat kontra stat ieħor, jew anke minn komunità kontra oħra. Dejjem sakemm il-kelma tista’ tintuża kontra xi ħadd li hu l-għadu tiegħek u qatt għal dak li twettaq int kontra l-għadu tiegħek. Mhux ta’ b’xejn li l-kelma tilfet mis-sinjifikat reali tagħha.

Sport