Wieħed mill-akbar fornituri tal-internet u l-mobile fil-Kanada, Rogers, skuża ruħu mal-klijenti għall-qtugħ fis-servizzi tiegħu madwar il-pajjiż kollu.
Il-Kap Eżekuttiv tal-kumpanija Tony Staffieri qal li dan il-qtugħ seħħ wara aġġornament tal-manutenzjoni fin-network ewlieni tagħhom.
Is-servizzi ta-trasport, dawk bankarji u tal-emerġenza kollha ġew affettwati minn dan il-qtugħ li beda mill-Ġimgħa li għadda, bil-hotline 911 u l-ATMs bankarji ma kinux disponibbli. Il-Kanadiżi kellhom għalhekk imorru fil-ħwienet tal-kafè u librerija biex isibu konnessjoni.
Il-qtugħ fis-servizz beda għall-ħabta tal-4.30 a.m. (ħin lokali) u dam għaddej għal aktar min 15-il siegħa, iżda l-parti l-kbira tas-servizzi reġgħu bdew joperaw b’mod normali.
Dan il-qtugħ kellu effett kbir fuq firxa wiesgħa ta’ servizzi madwar il-Kanada u serva bħala tfakkira ta’ kif is-soċjetà tiddependi fuq dawn il-mezzi ta’ komunikazzjonijiet moderni.