F’attivitajiet politika fil-Gudja, il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech fakkar is-36 sena anniversarju mill-qtil taż-żagħżugħ Raymond Caruana u ddeskrivih bħala “matri tal-libertà li ġġieled għas-sewwa”. Proprju mill-istess post fejn miet Caruana, Grech iddikjara li għal darb’oħra l-Partit Nazzjonalista se jiġġieled u mhuwiex se jċedi sakemm ibiddel il-ħsibijiet tal-Gvern, din id-darba biex jagħżel il-ħajja flok il-qtil ta’ tarbija fid-dawl tal-emendi proposti dwar it-tqala.
F’diskors għal darb’oħra kien wieħed imqanqal għall-aħħar, il-Kap tal-PN attakka lill-Prim Ministru Robert Abela fejn sostna li “Abela jrid jipprova jikkonvinċi lill-poplu Malti u Għawdxi li din il-liġi mhiex liġi għall-abort”. Fl-istess nifs Grech qal li bħala PN huma jridu liġijiet li jħarsu lil dik l-omm li jkollha diffikultajiet u lill-professjonisti li jikkurawha, kif ukoll li jridu miżuri effettivi għan-nisa f’mumenti diffiċli imma, fejn tidħol is-saħħa mentali, iridu sptar ġdid ħalli l-omm f’diffikultajiet tingħata l-kura meħtieġa fih.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li bħala partit huma lesti jiddiskutu kif għandha tingħata l-aħjar protezzjoni lil dik l-omm li tkun qiegħda tmut, kif ukoll protezzjoni lit-trabi u protezzjoni lit-tobba. Grech żied jgħid li, “imma dan ma jsirx billi jiddaħħal l-abort. Aħna determinati li ma nħallux lill-Gvern jgħaddi bħala romblu fuq il-poplu u qegħdin nagħmlu d-dover tagħna billi nitkellmu. Se nibqgħu nitkellmu sakemm jirtabu l-irjus iebsa tal-Gvern”.
Hawnhekk huwa għamel appell lil dawk id-deputati Laburisti li skont il-PN hemm fosthom li huma kontra l-abort. Grech inċità biex dawn iqumu u jitkellmu għax sostna li s-skiet tagħhom ifisser approvazzjoni għal min irid idaħħal l-abort u talab biex jitwarbu d-differenzi politiċi ħalli jkun hemm għaqda favur il-ħajja tat-tarbija fil-ġuf.
“Dan mhuwiex mument ta’ partiġġjaniżmu. Bid-dħul tal-abort f’Malta nitilfu lkoll. Dan huwa pajjiż li għad għandu fibra morali u għandna nassiguraw li ma jidħolx l-abort. Aħna deteminati li l-PN jibqa’ l-forza politika favur il-ħajja. Għandna ningħaqdu bħala poplu wieħed u aħna min-naħa tagħna, inwegħdu li se nibqgħu nikkumbattu għax il-bniedem jibqa’ ċ-ċentru tal-politika tagħna,” temm Bernard Grech.