Sunday, December 22, 2024

Rabja kbira fuq il-midja soċjali wara li jiġu ppubblikati ritratti ta’ mara f’agunija wara li nħarqet minn żewġha

Aqra wkoll

Il-mara mietet nhar is-Sint li għadda kaġun tal-ġrieħi estensivi li sofriet

TWISSIJA: RITRATTI GRAFIĊI

Ritratti li bdew jiċċirkolaw fuq il-midja internazzjonali ta’ mara Iraqqina f’agunija f’sodda fi sptar wara li ngħatat in-nar minn żewġha spiċċaw biex qanqlu diversi diskussjonijiet dwar il-ħtieġa ta’ miżuri eħrex fil-konfront ta’ min iwettaq vjolenza domestika.

Malak Haider al-Zubaidi, ta’ 20 sena, iddaħħlet b’emerġenza għall-kura fi sptar fil-belt Iraqqina ta’ Najaf il-ġimgħa li għaddiet qabel ma nhar is-Sibt li għadda mietet minħabba l-kollass ta’ diversi organi kaġun tal-ġrieħi kkaġunati minn ħruq estensiv.

Ir-ritratti xokkanti ħolqu rabja kbira wkoll fuq il-midja soċjali.

Il-qraba tal-mara qed jgħidu li żewġha, li huwa uffiċjal tal-pulizija, kien abbużiv, u kien ġiegħelha taqta’ kull kuntatt mal-familja tagħha għal dawn l-aħħar tmien xhur.

Huma żiedu jallegaw li fil-jum meta l-mara sofriet il-ħruq estensiv, huwa l-ewwel saħansitra pprova joqtol lil martu b’charging cable qabel ma tefa’ kwantità ta’ petrol fuqha u taha n-nar.

Min-naħa tiegħu huwa ċaħad dawn l-allegazzjonijiet u f’messaġġ fuq il-midja soċjali qal li martu kienet qed tbati minn problemi mentali. Saħansitra qal li hija kienet tat in-nar lilha nnifisha.

Intant attivisti kontra l-vjolenza fuq in-nisa qed jakkużaw lill-familja tar-raġel li qed taġixxi ’l fuq mil-liġi minħabba li missieru huwa ġeneral fl-armata Iraqqina.

L-awtoritajiet Iraqqini niedew investigazzjoni wara r-rabja li r-ritratti tal-mara qanqlu.

Il-kodiċi penali tal-Iraq tagħti d-dritt lill-irġiel biex “jiddixplinaw” lil marthom, u m’hemm l-ebda liġijiet li jikkriminalizzaw l-vjolenza domestika.

Madankollu l-kostituzzjoni tal-pajjiż tipprojbixxi kull forma ta’ vjolenza u abbuż f’familja.

Ekonomija

Sport