Monday, May 13, 2024

RABJA LI TNESSINA LI PERSUNI BI PROBLEMI TA’ SAĦĦA MENTALI HUMA VITTMI WKOLL

Aqra wkoll

Waħda mis-sitwazzjonijiet li tista’ twaqqaf soċjetà milli tipprogressa hija ċertament il-mentalità żbaljata ta’ pataflun ta’ reazzjonijiet li jsegwu wara li persuna taqa’ fl-iżball bi sforz minimu biex kemm jista’ jkun dawn l-episodji ma jirrepetux rwieħhom. Ma nistgħux nkunu pessimisti żżejjed u ngħidu li ma sar xejn jew li ma kienx hawn ħsieb jew ideat tajbin matul dawn l-aħħar snin. Bla dubju xhieda ta’ dan huwa l-helpline tal-1579 li mill-2022 salva numru ta’ ħajjiet b’sapport 24 siegħa kuljum sebat ijiem fil-ġimgħa. 

Mhuwa l-ebda misteru li minħabba diversi raġunijiet il-problemi ta’ saħħa mentali komplew jippersistu u dawk li jinħakmu qalb il-gwerra interna li għalihom jekk ma jsibux l-għajnuna tkun kważi impossibbli jsibu tarf il-kobba li jitħabblu fiha wkoll baqgħu jiżdiedu. Sfortunatament kelma tista’ ttella’ bniedem is-sema imma oħra tista’ tniżżlu l-infern. Għalkemm nemmnu li kull individwu fis-soċjetà għandu jkun spalla għal persuna li tista’ tkun maqbuda f’battalja ta’ ħsibijiet ħżiena, dak li jkun irid jassigura li bl-ispalla li jagħti li tista’ tkun sempliċiment kelma ta’ ġid, ma jispiċċax ikompli jżid fid-dubji ta’ dak li jkun u minflok biex tinħall il-kobba, jispiċċa jkompli jgħaqqadha.

Imma x’nistgħu nagħmlu biex verament ngħinu lis-soċjetà? Min huma l-veru persuni li qegħdin ikunu ta’ sostenn? Nemmnu li l-prevenzjoni hija ċ-ċavetta u għalkemm hija relattivament impossibbli li tiġi ffiltrata l-midja soċjali biex ma jinħarġux ċertu kitbiet, ritratti jew filmati, kampanji edukattivi kontinwi jistgħu jgħinu lis-soċjetà tasal biex tifhem li mhux biss ċertu materjal mhuwiex aċċettat, imma li saħansitra hemm pieni relatati. 

Mingħajr ma nimminaw il-ħidma sfieqa tal-Kummissjoni għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabbiltà, irridu nagħfsu aktar fuq każi fejn persuna bi problemi ta’ saħħa mentali tattakka partijiet oħra tas-soċjetà, anke problematiċi. L-aktar każ tipiku huwa l-filmat ta’ tfajla tinsulenta u xxerred mibegħda fejn jidħlu persuni b’diżabbiltà u dawk morda bil-kanċer. 

L-ewwel mistoqsija għandha tkun għalfejn persuna tasal biex ixxerred filmat hekk fuq mezzi soċjali fejn fi ftit minuti jista’ jasal għand eluf ta’ persuni? Għalfejn dan il-filmat jagħmel sigħat online jew saħansitra ma jitneħħiex minkejja furur fil-midja? U r-reazzjonijiet x’jirriflettu?

Nemmnu ċertament li f’każi bħal dan għandek vittmi varji u mhuwiex biżżejjed li nikkundannaw. Il-persuna fil-filmat tista’ tkun vittma daqs dawk il-qraba rrabjati ta’ persuni li tilfu ħajjithom kawża tal-marda tal-kanċer. Nemmnu li f’dawn il-każi, l-akbar problema hi dik li jkomplu jinxterdu dawn it-tip ta’ filmati u l-prijorità għandha tkun li l-persuna konċernata, aktar milli tiġi kundannata, tingħata l-għajnuna mill-aktar fis.

Lil hinn mill-istigma li nġarret għal snin twal ta’ persuni li jiddaħħlu fl-Isptar Monte Carmeli, nemmnu li l-gvern għandu jkompli jimbotta fuq il-proġett tal-estensjoni tal-Isptar Mater Dei biex persuni b’saħħa mentali mhux biss jingħataw l-għajnuna neċessarja bl-aktar mod professjonali, imma kemm jista’ jkun jiżdied l-għarfien li għandna nkunu aħna li ngħinuhom jagħrfu l-istat tagħhom qabel ikun tard wisq. 

Sport