Wednesday, November 13, 2024

RABJA TAT-TOROQ

Aqra wkoll

Ir-rabja fit-toroq dejjem kienet problema sa minn meta Edipu qatel lil missieru (mingħajr ma kien jaf li kien missieru) hekk kif iltaqgħu f’xi salib it-toroq fil-Greċja tal-qedem. U bla dubju minn qabel ukoll.

Ftit ilu, sewwieq f’Pariġi saq fuq ċiklista u qatlu għax irrabja bil-mod kif dan kien qed iħuf madwaru. Fostna mhux l-ewwel darba li inċidenti ta’ vjolenza serja tqanqlu minn tilwim qawwi fit-toroq. Minn kullimkien rapporti jindikaw li ħafna u ħafna sewwieqa qed jinqabdu, waqt li jkunu qed isuqu, fi stress li jagħmilhom aktar “lesti” għar-rabja.

Jaħtu għaliha t-traffiku ppakkjat; xogħlijiet fit-toroq u toroq magħluqa; sewwieqa oħra li jew ma jsegwux ir-regoli, jew nieqsa minn kull kortesija jew addiritttura ma jafux isuqu; it-taħlit fit-toroq bejn sewwieqa ta’ karozzi, trakkijiet, moto-ċiklisti u ċiklisti… Mhux ta’ b’xejn li qed jiżdiedu l-programmi ta’ għajnuna psikoloġika maħsuba biex jgħinu lis-sewwieqa jagħrfu kif jistgħu jikkontrollaw l-istress u r-rabja.

SLIMIŻI

Xejn ma ngħir għar-residenti f’Tas-Sliema, anke jekk veru li kif jemmnu, qed jgħixu fl-isbaħ borg ta’ Malta. M’għandi l-ebda preġudizzju kontra l-imkien għax twelidt u għext fih għal numru ta’ snin. Id-dawra bil-mixi mill-Balluta sa Tigne u sal-Gżira hi sabiħa.

Imma ma nistax nifhem kif ir-residenti Slimiżi jħossuhom tajjeb bl-iffullar fil-post, bil-bini dejjem tiela’ u jħarbat bankini għal xhur sħaħ, bit-toroq magħluqa bla ebda avviż, bil-barranin li sa tard bil-lejl jibqgħu jixorbu u jparlaw fit-toroq residenzjali, bil-ħamiem li f’ċerti nħawi ħlief iħammġu ma jagħmlux, bit-turisti li mhux kollha ssibhom ħelwin jew onesti…

Is-sitwazzjoni ilha sejra lura. Niftakarni nikteb dwar hekk ftit anqas minn għoxrin sena ilu.

MEDITERRAN

Il-Kummissjoni Ewropea se jkollha Kummissarju responsabbli mill-Mediterran. Kif dil-kariga se torbot mal-karigi tal-Kummissarji l-oħra li jmexxu oqsma li għandhom x’jaqsmu ma’ x’jiġri f’inħawi tal-Mediterran (politika barranija; sigurtà; sajd; immigrazzjoni; ftehimiet kummerċjali…) ħadd għadu ma jaf. Biss, il-ħsieb hu … jew it-tama… li din il-ħatra tagħti sinjal li l-Unjoni Ewropea lesta tkun aktar attenta għal xinhu għaddej fil-Mediterran.

Din hi żona li tirrappreżenta il-fruntiera tas-sud tal-Unjoni. Matul is-snin, speċjalment wara li l-Unjoni żiedet fil-membri tagħha, l-attenzjoni ngħatat l-aktar lejn il-fruntieri tan-nord u tal-lvant tal-Ewropa. Biex kollox ikun ingħad, mhux darba li l-gvern Malti fost oħrajn qajjem dal-punt. Imma l-vuċi Maltija ma tantx tingħata kas, naħsbu x’naħsbu.

Problema dejjem kienet li l-ebda ħsieb strateġiku dwar ir-reġjun tal-Mediterran qatt ma żviluppa. It-tentattivi li nbdew fl-imgħoddi nixfu fuq iz-zokk. Forsi l-Kummissarju għall-Mediterran għad jirnexxielu jibdel dit-tendenza (!?!)

Ekonomija

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport