Sunday, June 29, 2025

RABTIET STORIĊI

Aqra wkoll

L-istorja tar-rabtiet li soċjetà kellha ma’ soċjetajiet barranin matul is-sekli żgur tiżvela aspetti xejn ħelwin. Mhux l-anqas fl-Ewropa, fejn l-imperjaliżmu dejjem kien fattur ewlieni tal-istorja umana, minn żmien ir-Rumani u qabel. Fil-fatt il-ġnus Ewropej spiċċaw jimmiraw li jakkwistaw imperi mifruxa mad-dinja kollha, mhux biss fil-kontinent tagħhom. Irnexxielhom f’hekk għal numru ta’ snin.

Malta ma kellhiex soċjetà kbira biżżejjed biex taspira li ssaltan fuq ħaddieħor. Aktar kienet tfittex li tkun regolata u mmexxija minn barra… minn xi ħadd li nsibuh “gustuż” biżżejjed – kif wara kollox, bqajna nagħmlu sal-lum…

Li baqa’ jgħaġġibni ftit hu kif bħala poplu żammejna ċerta lealtà… jew qima… lejn min ikkolonizzana. Anzi, jitqanqlu kontroversji bejn min donnu jinħass partiġġjan ta’ kolonizzatur, min ta’ ieħor. Mhux il-kolonizzaturi kollha ġabu ruħhom bl-istess qies, imma kinux Kavalieri, Rumani, Franċiżi, Sqallin, Spanjoli jew Ingliżi żgur għamlu x’kien jaqbel lilhom, mhux lis-soċjetà – kienet x’kienet fi żmienhom – ta’ dawn il-gżejjer.

GĦOLI TAL-ĦAJJA

Dwar l-għoli tal-ħajja f’Malta komparat mar-rati tal-inflazzjoni fil-bqija tal-Unjoni Ewropea dejjem emmint li qed tiġri ħaġa stramba. Ir-rata tal-inflazzjoni f’Malta ta’spiss tkun tiċċaqlaq bil-maqlub ta’ xi tkun fil-bqija taż-żona tal-ewro. Meta f’tal-aħħar ir-rata tkun qed togħla, f’Malta titbaxxa. L-istess bil-maqlub: meta qed tinżel fil-bqija tal-Ewropa, f’Malta pjuttost tiżdied.

Saqsejt kemm-il darba għaliex. Ma’ min tkellimt jew ma qabilx li jeżisti dan l-effett; jew argumenta li mhuwiex daqstant sinjifikattiv; jew ma rax kif seta’ kellu xi spjega sistemika. Sakemm ir-rata tal-għoli tal-ħajja f’Malta tkun anqas minn tal-Unjoni Ewropea, dil-ħaġa ftit tqanqal kurżità. L-affarijiet jinbidlu ftit meta kif qed jiġri issa, l-inflazzjoni f’Malta tkun ogħla milli hi fil-bqija tal-Ewropa.

BĦAL FL-IRAQ?

Żgur ma tista’ tħoss l-ebda simpatija jew appoġġ lejn ir-reġim li jmexxi l-Iran b’mod awtoritarju u klerikali minn xi nofs seklu ilu, wara l-waqa’ tax-Shah. (Dan kellu tmexxija oġġezzjonabbli daqs dik tal-lum.) Fl-Iran, id-drittjiet umani, id-drittjiet tan-nisa, ir-regoli tad-demokrazija huma mkasbra.

Biss gwerra bejn stati sovrani suppost tinbeda u titmexxa skond il-kriterji tal-liġi internazzjonali dwar il-gwerra. Dik li ttelqet minn Iżrael kontra l-Iran biex teqred il-potenzjal nukleari tal-Iran, li skond Iżrael wasal biex daqt jiżviluppa bomba nukleari, ma tissodisfax dawn il-kriterji… jiġri x’jiġri fil-kondotta tal-gwerra. Kull ma jissemma dwar evidenza fuq din it-“theddida” Iranjana jfakkarni f’li kien jintqal dwar ir-reġim ukoll oġġezzjonabbli ta’ Saddam Hussein fl-Iraq, li qed iħejji armi ta’ distruzzjoni ta’ massa. L-Iraq ġie attakkat u mkisser. Kull ma ġie allegat dwar l-armi qerrieda li bena kien ħrafa. 

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport