Raġel armat arrestat qrib il-korsa tal-golf ta’ Trump 

Aqra wkoll

L-awtoritajiet f’California arrestaw raġel li deher qrib korsa tal-golf proprjetà tal-President Donald Trump fiż-żona ta’ Los Angeles, ftit qabel iż-żjara tal-President għal attivita ta’ ġbir ta’ fondi f’dak il-post. Ir-ra[el, li ġie identifikat bħala Jeanine John Taele, ta’ 38 sena, instab b’pistola u munizzjon illegali fil-korsa tal-golf li Trump  għandu f’Rancho Palos Verdes.

Skont id-Dipartiment tax-Xeriff ta’ Los Angeles, ir-raġel deher jimxi fil-kumpless tal-korsa tal-golf, jieħu ritratti u filmati, u jidher li kien qed josserva l-attivitajiet relatati mal-ippjanar tas-sigurtà. Taele qed jinżamm taħt arrest fuq akkużi li kien qed iġorr arma tan-nar moħbija u li kellu fil-pussess tiegħu munizzjon ipprojbit jew tat-tip li jippenetra l-armatura.

L-arrest sar il-Ħadd wara nofsinhar. Bħalissa, Trump jinsab iżur California biex nhar it-Tlieta jattendi ikla għall-ġbir ta’ fondi tal-Partit Repubblikan f’dak il-kumpless tal-golf.

Fi stqarrija għall-istampa, id-dipartiment tax-xerif qal li Taele ġie arrestat wara li aġenti federali, li kienu lebsin pajżana, irrappurtaw persuna suspettuża lill-awtoritajiet lokali f’nofs il-ġurnata, għall-ħabta tat-3:30 p.m. 

Meta l-pulizija avviċinaw lir-raġel, skoprew li kien qed jiġi mfittex mid-Dipartiment tal-Pulizija ta’ El Segundo b’rabta ma’ serqa. Din il-belt tinsab madwar 15-il mil fit-tramuntana ta’ Rancho Palos Verdes, żona kostali sinjura magħrufa għall-għoljiet u l-irdumijiet pittoreski tagħha.

L-awtoritajiet sabu li kien qed iġorr skartoċċiera b’kapaċità ta’ 16-il balal, mimlija bil-munizzjon tat-tip “hollow point”. Fil-vettura tiegħu, li kienet ipparkjata fil-korsa tal-golf, instabet ukoll pistola lesta biex ti[i sparata, flimkien ma’ skartoċċiera mimlija b’munizzjon.

Il-balal tat-tip “hollow point” meta jiġu sparati għandhom qawwa li jiċċattjaw u jitwessgħu mal-impatt, u b’hekk jikkawżaw ħsara massima lill-organi vitali tal-bniedem. Kalifornja, li għandha wħud mill-aktar liġijiet stretti dwar l-armi fl-Istati Uniti, ipprojbiet l-użu ta’ magazins li jistgħu jżommu aktar minn 10 balal.

Nhar it-Tnejn, aġenti mill-Joint Terrorism Task Force tal-FBI u mill-Major Crimes Bureau tad-Dipartiment tax-Xeriff tal-Kontea ta’ Los Angeles wettqu rejd fid-dar tas-suspettat f’Downey, belt li tinsab ukoll fiż-żona ta’ Los Angeles. Ġwwa d-dar l-investigaturi sabu xkubetta tat-tip AR modifikata illegalment, pistola .45, ilbies protettiv, kwantità kbira ta’ balal għall-pistoli u xkubetti, kif ukoll diversi notebooks li kien fihom dikjarazzjonijiet ta’ tħassib.

L-investigazzjoni għaddejja bl-għajnuna tas-Secret Service tal-Istati Uniti, u uffiċjali jgħidu li aktar akkużi jistgħu jitressqu aktar ’il quddiem.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport