Ġew identifikati żewġt irġiel Maltin oħra b’rabta mas-€700,000 li ntremew il-baħar fi Sqallija

Aqra wkoll

Jeffrey Cassar u Sage Gauci ġew identifikati bħala ż-żewġ irġiel Maltin li li kienu abbord id-dgħajsa li minnha allegatament intefgħu fil-baħar madwar €700,000 fi flus kontanti ‘l barra mill-kosta ta’ Ragusa, fi Sqallija.

Kienet il-midja Taljana li rrapurtat dan, fejn spjegat li dawn iż-żewġt irġiel kien flimkien ma’ Owen Jones, is-sid tad-dgħajsa, li kien diġà ġie identifikat mill-midja Taljana wara l-inċident drammatiku tal-ġimgħa li għaddiet.

Skont ir-rapporti, it-tliet irġiel kienu qed jivvjaġġaw fuq dgħajsa li sofriet ħsara fil-magna wara li spiċċalhom il-fjuwil eżatt ‘il barra mill-kosta ta’ Casuzze, fil-provinċja ta’ Ragusa. Hekk kif resqu s-salvataġġi, intefgħu fil-baħar, basktijiet li allegatament kien fihom madwar €700,000 fi flus kontanti. 

Meta ġie kkuntattjat permezz tal-avukat tiegħu, Gauci ċaħad kwalunkwe involviment fil-każ. Tentattivi biex jiġi kkuntattjat l-avukat ta’ Cassar ma rnexxewx, u għadu mhux ċar jekk l-awtoritajiet Taljani għadhomx ifittxuh b’rabta mal-investigazzjoni.

Sadanittant, l-avukat ta’ Owen Jones, Franco Debono, kien stqarr li l-klijent tiegħu ma setax jikkonferma jekk kienx fi Sqallija dak iż-żmien, iżda insista li l-flus ma kinux tiegħu u li ma kellu l-ebda rabta magħhom.

Kemm Cassar kif ukoll Gauci huma magħrufa mill-awtoritajiet Maltin tal-infurzar tal-liġi u fil-passat iffaċċjaw akkużi relatati mad-droga.  L-awtoritajiet Taljani qed ikomplu jinvestigaw l-inċident, b’suspetti li jingħad li jinkludu ħasil tal-flus, traffikar tad-droga u kuntrabandu. 

S’issa ma ġew irrappurtati l-ebda akkużi kriminali relatati mal-inċident ta’ Sqallija kontra dawk involuti.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport