Il-Ministru għall-Politika Soċjali u l-Familja Dr Michael Falzon ddikjara li l-promozzjoni tal-ugwaljanza soċjali hija indirizzata b’mod trasversali permezz ta’ diversi strateġiji, politiki u pjanijiet ta’ azzjoni, li flimkien għandhom l-għan li jnaqqsu l-faqar u l-esklużjoni soċjali, isaħħu l-opportunitajiet indaqs u jtejbu l-benesseri tal-individwi u tal-familji. Fost dawn hemm:
- Il-Viżjoni Soċjali għal Malta 2035: Insawru l-Futur tas-Soċjetà Tagħna, li tistabbilixxi viżjoni fit-tul għal soċjetà aktar ġusta, inklużiva u reżiljenti, ibbażata fuq il-benesseri, l-opportunitajiet indaqs u l-koeżjoni soċjali;
- L-Istrateġija Nazzjonali għal Aktar Tnaqqis tal-Faqar u l-Inklużjoni Soċjali 2025–2035, li tipprovdi qafas komprensiv biex jitnaqqas il-faqar u l-esklużjoni soċjali permezz ta’ miżuri li jsaħħu l-protezzjoni soċjali, l-edukazzjoni, l-impjieg, is-saħħa u l-akkomodazzjoni;
- Il-Pjan ta’ Azzjoni Nazzjonali għall-Implimentazzjoni tal-Garanzija Ewropea għat-Tfal (2022–2030), li għandu l-għan li jiżgura li tfal f’sitwazzjoni vulnerabbli jkollhom aċċess ugwali għal edukazzjoni u kura bikrija ta’ kwalità, kura tas-saħħa, nutrizzjoni adegwata u akkomodazzjoni xierqa;
- Il-Qafas ta’ Politika għat-Tfal 2024–2030, li jippromwovi d-drittijiet, il-protezzjoni, il-parteċipazzjoni u l-benesseri tat-tfal, filwaqt li jsaħħaħ l-appoġġ lill-familji;
- L-Istrateġija Nazzjonali għall-Kapaċità Finanzjarja 2022–2025, li għandha l-għan li ttejjeb il-litteriżmu finanzjarju u tgħin lill-individwi u lill-familji jieħdu deċiżjonijiet finanzjarji aktar infurmati u sostenibbli.
- Il-Pjan Soċjali għall-Familja 2025–2030, li jipprovdi qafas ta’ politika biex isaħħaħ il-benesseri tal-familji, jappoġġja r-reżiljenza tagħhom tul il-kors tal-ħajja u jippromwovi servizzi aktar koordinati u aċċessibbli.
Il-Ministru Falzon ta dawn id-dettalji fi tweġiba għal mistoqsija parlamentari li saritlu mid-Deputata Nazzjonalista Graziella Attard Previ, fejn sostna wkoll li dawn il-politiki u l-istrateġiji huma kumplimentari u flimkien jiffurmaw il-qafas strateġiku tal-Gvern għall-promozzjoni tal-ugwaljanza soċjali, billi jindirizzaw il-faqar u l-esklużjoni soċjali, isaħħu l-inklużjoni u jiżguraw li kulħadd ikollu aċċess għal opportunitajiet, servizzi u appoġġ skont il-ħtiġijiet tiegħu.
Sadanittant, id-Deputata Nazzjonalista Graziella Attard Previ staqsiet ukoll lill-Ministru Falzon jgħid x’azzjonijiet qed jittieħdu biex jitnaqqsu l-inugwaljanzi li jaffettwaw lit-tfal.
Fit-tweġiba tiegħu, il-Ministru Falzon qal li l-Ministeru jibqa’ impenjat li jnaqqas l-inugwaljanzi li jaffettwaw lit-tfal billi primarjament jiżgura aċċess aktar ugwali għal servizzi essenzjali bħall-edukazzjoni, is-saħħa, il-protezzjoni soċjali u l-appoġġ lill-familji.
F’dan il-kuntest, qed jiġu implimentati:
– Il-Qafas ta’ Politika għat-Tfal 2024-2030 li huwa mfassal biex ittejjeb il-kwalità tal-ħajja, id-drittijiet, u l-benesseri tat-tfal kollha;
– L-iStrateġija Nazzjonali għal Aktar Tnaqqis tal-Faqar u l-Inklużjoni Soċjali 2025-2035 li għandha l-għan li tnaqqas ir-rata ta’ riskju ta’ faqar (AROPE) bi 3.1% u tnaqqas il-faqar tat-tfal b’6% sal-2030;
– Il-Pjan Soċjali għall-Familja 2025-2030.

