Għadu kmieni biex nikteb biċ-ċert liema films u atturi għandhom ċans kbir għall-Oscars. Imma il-lobbying u s-sefsif fil-widnejn diġa beda.
Mill-films li rajna sa issa, hemm xi wħud li jistgaħu jkunu nnominati. Jispikka fuq kollha “The Odyssey”. Ma tistax twarrab “Project Hail Mary”, “Michael”, “The Invite” u l-film animat “Toy Story 5”.
Qed jingħad, li din is-sena mistennija tkun waħda tajba għall-films animati. Apparti “Toy Story 5”, rajna wkoll “Hoppers” li personalment għoġobni. Fix-xhur li ġejjin għandna naraw tnejn li fuqhom hemm ħafna nteress. Dawn huma: it-thriller “Ray Gunn” li jiddebutta fuq Netflix f’Diċembru, u l-avventura “Wildwood” li għandu d-distribuzzjoni f’idejn kumpanija żgħira u mistenni jibda jintwera lejn l-aħħar ta’ Ottubru.
Sfidant ewlieni għall-aktar Oscar prestiġjuża jista’ jkun it-tielet u l-aħħar parti ta’ “Dune: Part Three”. Din it-triloġija maħduma minn Denis Villeneuve tista’ tirrepeti dak li kien ġara lit-triloġija ta’ “The Lod of the Rings”, jiġifieri li l-votanti tal-Oscars jistennew it-tmiem tal-franchise biex jonorawha. Infakakrkom li kien it-tielet wieħed, “The Lord of the Rings: The Return of the King” li rebaħ 11-il Oscar, inkluż dik għall-aħjar Film. Sa issa, l-ewwel żewġ films mill-franchise ispirata mir-rumanz klassiku Dune ta’ Fran Herbert, rebħu bejniethom tmien Oscars.
Hemm stennija kbira għal diversi films oħra u allura ser noqgħod attent biex ma nitlifhomx meta joħorġu għall-wiri. Wieħed minn dawn hu t-thriller komiku “Wild Horse Nine” b’interpritazzjonijiet tajba minn John Malkovich, Sam u Rockwell. Dawn għandhom il-partijiet ta’ aġenti taċ-CIA fl-1973 ftit qabel il-kolp ta’ stat fiċ-Ċili. Nistennew li jkun fit-teatri fil-bidu ta’ Novembru.
Tom Cruise hu l-protagonist fid-drama komika tad-direttur Alejandro G. Iñárritu. Il-film jismu “Digger” u mistenni jkun fit-teatri fil-bidu ta’ Ottubru. Cruise għandu l-parti ta’ Digger Rockwell, meqjus bħala l-aktar bniedem b’saħħtu fid-dinja li jinsab f’tellieqa kontra l-ħin biex isalva l-umanità minn diżastru li kkaġunah hu stess.
Film ieħor li naħseb ser joħloq ħafna nteress hu “The Social Reckoning”. Dan hu film bijografiku dwar il-leak ta’ Facebook fl-2021 u kienet riżultat ta’ dak li kixfet il-whistleblower Frances Haugen (Mikey Madison). Id-direttur hu Aaron Sorkin. Il-film hu sequel għal “The Social Network” li rajna fl-2010 imma qed jingħad li mhux daqstant importanti li tkun rajt jew tiftakar l-ewwel wieħed.
Ġeneralment il-festivals ewlenin bħal dak ta’ Cannes, jagħtik indikazzjoni liema films internazzjonali jistgħu jkunu wkoll parti min-nominazzjonijiet. F’dawn l-aħħar snin, il-films internazzjonali saru jkunu nnominati fil-kategorija riservata għalihom imma qed ikollhom nominazzjonijiet anke f’kategoriji oħra, inkluż dik għall-aħjar film.
Fost it-tliet films li qed joħolqu ħafna interess fost iċ-ċrieki tal-votanti għall-Oscars hemm ir-rebbieħ tal-Palme d’Or f’Cannes, li hu t-thriller Rumen, “Fjord” maħdum mid-direttur Cristian Mungiu. Ma’ dan, qed jissemmew ukoll il-film bijografiku Pollakk, “Fatherland” tad-direttur Pawel Pawlikowski, kif ukoll il-film drammatiku Spanjol “La Bola Negra” maħdum mid-duo Javier Ambrossi u Javier Calvo.
Sal-15 ta’ Marzu meta għandha ssir id-99 ċeremonja tal-Oscars, għad baqa’ ħafna żmien u minn jaf kemm il-darba sejra tinbidel din il-lista’ ta’ films.
Ice Cream Man
Id-direttur Eli Roth, magħruf għall-films estremi tiegħu bħal “Hostel” u “Cabin Fever”, jerġa’ jagħtina film ieħor li jqanqal ħafna biża’. Dan hu “Ice Cream Man”. Matulu, l-aktar simbolu li jġib ferħ fit-tfulija isir għajn ta’ terrur.
In-narrattiva teħodna f’belt żgħira li, matul sajf kwiet, jinħoloq kaos meta bejjiegħ misterjuż tal-ġelat jibda jqassam ġelat li jwassal lit-tfal għal imġiba vjolenti u bla kontroll.
Nammetti li l-film hu provokattiv, għax dak li normalment jissimbolizza l-ferħ u l-innoċenza jinbidel f’għodda ta’ qerda. Id-direttur Tim Roth ma jiddejjaqx jisfida lill-udjenza b’xeni grafiċi u atmosfera li, sa mill-bidu tal-film, joħloq sens ta’ tensjoni kontinwa. Dawk li huma familjari mal-istil tiegħu jafu x’għandhom jistennew: vjolenza bla kompromessi, black humour u xeni li jdarsu lil ħafna nies.
L-attur Ari Millen jagħti interpretazzjoni inkwetanti fil-parti tal-bejjiegħ tal-ġelat. Mingħajr ħafna kliem, il-preżenza tiegħu waħedha hija biżżejjed biex toħloq sens ta’ tensjoni. Il-kuntrast bejn it-tbissima tiegħu u l-orrur li jħalli warajh huwa wieħed mill-aktar aspetti effettivi tal-film.
“Ice Cream Man” hu kklassifikat 18 minħabba xeni qawwija ta’ vjolenza u dmija.
Paw Patrol: The Dino Movie
Dan hu t-tielet film animat Kanadiż dwar l-ġriewi qalbiena. Din id-darba jsibu rwieħhom x’imkien mhux magħruf mimli dinosawri. Bil-għajnuna tal-ħabib ġdid Rex,, huma jsalvaw dawn l-annimali minn min ried jaħtafhom.
Maħdum taħt id-direzzjoni ta’ Cal Brunker, il-film fih żewġ inġredjenti li huma popolari mat-tfal: dinosawri u avventura li tinvolvi salvataġġ.
“Paw Patrol: the Dino Movie” hu kklassifikat PG minħabba xeni li għal tfal żgħar jistgħu jkunu tal-biża’.

