Fost l-aktar provi li spikkaw ilbieraħ kien hemm konverżazzjonijiet fuq Signal bejn Fenech u l-eks Deputat Kummissarju tal-Pulizija Silvio Valletta, li dak iż-żmien kien is-superjur tal-investigaturi ewlenin fil-każ tal-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia. F’wieħed mill-messaġġi, Valletta jirreferi għal Fenech bħala l-“best friend” tiegħu. Il-konverżazzjonijiet jittrattaw laqgħat, arranġamenti tal-ivvjaġġar u jet privat.
Matul il-kontroeżami, id-difiża enfasizzat li l-messaġġi ma jagħmlu l-ebda referenza għall-investigazzjoni tal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, filwaqt li l-prosekuzzjoni saħqet fuq ir-rwol li Valletta kellu fil-katina tal-kmand tal-investigazzjoni.
Il-qorti rat ukoll skambji ta’ WhatsApp bejn Fenech u l-eks kaptan tal-jott tiegħu, Logan Wood, dwar il-vjaġġ li kien ippjanat lejn Sqallija ftit qabel l-arrest ta’ Fenech f’Novembru tal-2019. Skont ix-xhud, Fenech tah istruzzjonijiet biex jitfi s-sistema ta’ traċċar AIS tal-jott u jiżgura li “the coast is clear”. Wood ikkonferma li s-sistema kienet intfiet fuq talba ta’ Fenech, iżda sostna li qatt ma ddiskutew il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.
Parti sostanzjali mis-seduta kienet iddedikata wkoll għal emails allegatament irkuprati mil-laptop ta’ Fenech li jirrigwardaw attentati biex jinxtraw armi tan-nar, munizzjon u potassium cyanide mid-dark web. Minkejja l-oġġezzjonijiet tad-difiża, li argumentat li dan il-materjal huwa marbut ma’ proċeduri kriminali separati, l-Imħallef Edwina Grima ddeċidiet li l-provi huma ammissibbli quddiem il-ġurati.
Aktar tard komplew jiġu ppreżentati messaġġi, ritratti u filmati estratti mill-mobile ta’ Fenech, flimkien ma’ konverżazzjonijiet fuq Signal u WhatsApp li jinvolvu lil Melvin Theuma u persuni oħra li l-investigaturi jqisu rilevanti għall-każ. Instemgħet ukoll aktar xhieda dwar tfittxijiet li l-pulizija wettqet fid-dar tal-eks Chief of Staff fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru, Keith Schembri, wara l-arrest tiegħu.
Aktar kmieni fis-seduta xehed espert forensiku tad-dokumenti minn Europol, li qal li wara li eżamina żewġ dokumenti skennjati ma sab l-ebda indikazzjoni li dawn kienu ġew iffalsifikati. Is-Surġent Karl Micallef ta wkoll xhieda dwar eżamijiet tal-marki tas-swaba’ fuq dokumenti elevati matul l-investigazzjoni.
Il-ġuri daħal fil-31 jum tiegħu u l-prosekuzzjoni mistennija tkompli tressaq aktar xhieda quddiem l-Imħallef Edwina Grima.
Yorgen Fenech, ta’ 44 sena, qed iwieġeb mhux ħati tal-akkużi li kien kompliċi fil-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia u li kien membru ta’ organizzazzjoni kriminali allegatament imwaqqfa biex twettaq l-assassinju. Il-prosekuzzjoni tallega li Fenech iffinanzja l-komplott u kkomunika mal-allegati eżekuturi permezz tal-intermedjarju Melvin Theuma, allegazzjonijiet li Fenech jiċħad.

