Saturday, December 21, 2024

Raġel arrestat b’rabta ma’ bejgħ ta’ oġġetti foloz u ħasil ta’ flus

Aqra wkoll

Investigazzjonijiet intensivi b’rabta ma’ bejgħ ta’ oġġetti foloz u llegali fuq l-internet, kif ukoll ħasil ta’ flus, waslu għall-arrest ta’ Malti ta’ 26 sena.


L-investigazzjonijiet bdew wara li l-Pulizija irċeviet informazzjoni anonima dwar kont tat-TikTok, fejn din persuna kienet qiegħda tirreklama l-bejgħ ta’ arloġġi tad-ditta foloz, fejn il-ħlasijiet isiru biss fi flus kontanti, allegatament biex jintużaw għal ħasil ta’ flus.


Din l-investigazzjoni żvelat ukoll li l-istess persuna kienet qiegħda tirreklama l-installazzjoni llegali ta’ beacon lights u sireni fuq vetturi privati. Għaldaqstant il-pulizija wettqet sorveljanza, bis-suspettat jiġi arrestat waqt li kien qiegħed isuq vettura mgħammra bil-beacon lights u sirena attivati, bl-istess vettura ma kinitx reġistrata mal-awtoritajiet u mingħajr liċenzja.


Minn tfittxija li saret fir-residenza tal-persuna, ġew elevati diversi arloġġi, basktijiet u ġojjellerija foloz, flimkien ma’ numru ta’ beacon lights u sireni. Fl-istess residenza nstabu bosta bottijiet tal- pepper-spray, allegatament biex jinbiegħu u flus kontanti.

Ġew elevati wkoll ammont ta’ karti tal-kreditu bojod, sinonimi mal-frodi tal-karti tal-kreditu, billi jkunu kklownjati. Minn aktar investigazzjoni li saru rriżulta li s-suspettat kien qiegħed jirreklama bejgħ ta’ euros foloz, bil-pagamenti jsiru permezz tal-cryptocurrency.


L-investigazzjonijet kixfu wkoll allegat negozju fid-‘darkweb’ fir-rigward xiri ta’ sustanzi llegali, fosthom droga miċ-Ċina u sussegwentement dawn is-sustanzi allegatament kienu jintbagħtu biex jinbiegħu f’pajjiżi oħra.


Ir-raġel mistenni jitressaq il-Qorti llum għall-ħabta ta’ nofsinhar neqsin kwart ta’ filgħodu (1145hrs) quddiem il-Maġistrat Dr Rachel Montebello LL.D.

Ekonomija

Sport