Raġel ġie arrestat ilbieraħ għall-ħabta tas-2.00pm wara li l-Pulizija rċiviet rapport li żewġ midalji storiċi tad-deheb, li flimkien għandhom valur stmat ta’ €400,000 kienu ġew misruqa mill-Mużew Marittimu ta’ Malta li jnsab fi Triq l-Assedju l-Kbir, l-Birgu.
Il-Pulizija fi stqarrija qalu li mill-ewwel bdew investigazzjonijiet intensivi mill-Pulizija li wasslu sabiex madwar sagħtejn wara jiġi arrestat l-allegat ħalliel, raġel ta’ 26 residenti Bormla.
Minn tfittxija li saret fuqu nstabu l-affarijiet irrappurtati misruqa.
Bil-każ ġiet infurmata l-Maġistrat tal-Għassa Dr Lara Lanfranco LL.D li ħatret inkjetsa.
Ir-raġel mistenni jitressaq il-Qorti llum għall-ħabta tal-10.30am quddiem il-Maġistrat tal-Għassa Dr Charmaine Galea LL.D.