Monday, May 20, 2024

Raġel arrestat b’rabta ma’ snatch & grabs

Aqra wkoll

Azzjoni f’waqtha mill-Pulizija wasslet biex ġie arrestat raġel ta’ 25 sena residenti Bormla, b’rabta ma’ numru ta’ serqiet magħrufin bħala snatch & grab. Huwa ġie arrestat ftit ħin biss wara li tliet persuni – żewġ nisa ta’ 45 sena u 80 sena, u raġel ta’ 74 sena – irrapportaw fl- Għassa ta’ Raħal Ġdid li huma kienu għadhom kemm sfaw vittmi ta’ serqa minn persuna waqt li kienu mexjin fil-Fgura.

Mill-investigazzjonijiet illi saru rriżulta li l-Ħamis, għal xi s-6:00 p.m, il-mara ta’ 45 sena kienet għadha kemm ġibdet xi flus minn ATM fi Triq Hompesch, xħin avviċinaha raġel u ħatfilha l-flus minn idejha u ħarab jiġri lejn Triq il-Karmelitani. Kien hawn li l-istess persuna avviċina r-raġel ta’ 74 sena u ġibidlu l-baskett li kien qed iġorr u wara ħataf mobile minn idejn il-mara ta’ 80 sena u ħarab.

Bid-deskrizzjoni tal-allegat ħalliel f’idejhom, minnufih bdew t-tfittxijiet fl-akwati. Kienu għal ħabta tat-tmienja u nofs 8:30 p.m, xħin il-Pulizija lemħu lir-raġel, bl-istess deskrizzjoni tal- allegat ħalliel, fil-viċinanzi ta’ Triq il-Karmelitani u ġie arrestat mill-ewwel.

Minn aktar investigazzjonijiet li saru rriżulta li l-istess raġel, nhar l-Erbgħa, allegtament imbotta raġel ta’ 74 sena waqt li kien miexi fi Triq Mater Boni Consilii, il-Fgura u seraqlu l- kartiera.

Ir-raġel qiegħed jinżamm fil-lock-up tal-Pulizija fil-Kwarteri Ġenerali, il-Furjana u mistenni jitressaq il-Qorti llum, għall-ħabta tal-11:30 a.m, quddiem il-Maġistrat tal-Għassa Dr Leonard Caruana.

Sport