Wednesday, April 24, 2024

Raġel arrestat b’rabta ma’ traffikar ta’ kokaina

Id-droga misjuba, li kieku laħqet inbiegħet fis-suq, kienet tlaħħaq madwar €60,000.

Aqra wkoll

Investigazzjonijiet mill-Pulizija tal-Iskwadra ta’ Kontra d-Droga b’rabta ma’ informazzjoni dwar traffikar ta’ droga, wasslet għall-arrest ta’ raġel ta’ 39 sena residenti l-Marsa kif ukoll għas-sejba ta’ madwar kilo ta’ sustanza suspettata kokaina.

Wara diversi jiem ta’ osservazzjoni fuq il-movumenti tar-raġel, dalgħodu, għall-11.30a.m., il-Pulizija waqqfet il-vettura tiegħu fi Triq il-Qaliet, Wied il-Għajn. F’dan il-mument, l-allegat suspettat ħarab minn fuq il-post b’veloċità qawwija u ħabat f’vettura tal-Pulizija. Il-pulizija saqu għal warajh, iċċirkondawh aktar l-isfel fl-istess triq u ġie arrestat.

Saret tfittxija fil-vettura fejn ġie elevat pakkett li fih kien hemm madwar kilo sustanza suspettata kokaina, lesta għat-traffikar. Il-pulizija għamlet tfittxija wkoll fir-residenza tar-raġel fil-Marsa fejn ġiet elevata arma tan-nar.

Id-droga misjuba, li kieku laħqet inbiegħet fis-suq, kienet tlaħħaq madwar €60,000.

Il-Maġistrat tal-Għassa Dr Doreen Clarke LL.D ġiet infurmata u ħatret inkjesta.

Ir-raġel qiegħed jinżamm fil-lock-up tal-Pulizija, il-Floriana filwaqt li l-investigazzjonijiet għadhom għaddejjin.

Sport