Friday, April 19, 2024

Tkompli r-riforma tas-settur tal-bini u l-kostruzzjoni

Aqra wkoll

Ir-riforma kontinwa tas-settur tal-bini u l-kostruzzjoni se tiżgura industrija aktar b’saħħitha u aktar sostenibbli li ttejjeb il-kwalità tal-ħajja u tipprovdi serħan tal-moħħ lill-familji kollha.

Hekk stqarr il-Ministru għall-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar Aaron Farrugia waqt żjara f’sit ta’ kostruzzjoni flimkien mas-Segretarju Parlamentari għall-Kostruzzjoni Chris Agius u l-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni Karl Azzopardi.

Il-Ministru Farrugia qal li, bi tħejjija għal-liċenzjar ta’ kuntratturi, tnieda proċess ta’ reġistrazzjoni. Dan il-liċenzjar hu wieħed mill-pedamenti tal-impenn tal-gvern li jirregola din l-industrija u jimplimenta r-rifoma kif imwiegħed. B’hekk, se jkun qed jittieħed kont tal-ħidmiet eżistenti permezz tal-proċess ta’ reġistrazzjoni.

Il-Ministru Farrugia ħabbar ukoll li l-awtorità issa ġiet stabbilita uffiċjalment, hekk kif it-tranżizzjoni minn aġenzija tlestiet fl-aħħar jiem. Huwa tenna l-miri ewlenin tal-awtorità għas-snin li ġejjin, inkluż l-implimentazzjoni tal-ewwel Kodiċi Nazzjonali tal-Bini. Il-Ministru spjega li minn meta l-awtorità ġiet imħabbra aktar kmieni din is-sena, l-Eżekuttiv u l-Bord tagħha ħadmu fuq l-istrateġija u l-pjan ta’ azzjoni li se jwassal għat-trasformazzjoni sostenibbli tal-industrija għas-snin li ġejjin.

“It-twaqqif tal-awtorità hija parti waħda mir-riforma li għaddejja fis-settur tal-kostruzzjoni. It-twaqqif tal-awtorità kienet waħda mit-talbiet prinċipali mir-rapport ta’ inkjesta mmexxija mill-imħallef Lawrence Quintano. Din ir-riforma se tkompli timmodernizza, tissalvagwardja u ssaħħaħ l-industrija filwaqt li ttejjeb il-kwalità tal-ħajja u tipprovdi serħan il-moħħ lill-familji kollha f’Malta u Għawdex,” tenna l-Ministru, waqt li semma numru ta’ miżuri mħabbra aktar kmieni din is-sena bħall-intensifikazzjoni tal-iskrutinju fuq il-method statements, żieda fl-ispetturi tal-bini u tal-kostruzzjoni, kif ukoll freephone ġdid għar-rappurtar ta’ irregolaritajiet.

Is-Segretarju Parlamentari għall-Kostruzzjoni Chris Agius qal li llum qegħdin nassistu għat-twettiq ta’ wegħda oħra mill-manifest elettorali. Is-Segretarju Parlamentari Agius saħaq li b’konformità mal-wegħda elettorali, dawk l-entitajiet li jaħdmu fl-industrija tal-bini u l-kostruzzjoni se jkunu inkorporati taħt umbrella waħda. “Għaldaqstant, illum nistgħu ngħidu li l-Uffiċċju għar-Regolament tal-Bini, il-bord għall-ħruġ tal-liċenzji tal-bennejja u l-bord li jirregola l-bini qegħdin jiffunzjonaw fi ħdan l-Awtorità għall-Bini u l-Kostruzzjoni. L-għan aħħari dejjem kien, sa minn żmien meta saret din il-wegħda, li b’mod gradwali u organizzat issir it-trasformazzjoni meħtiega biex din l-industrija tesperjenza tibdiliet li jwasslu biex kull min jopera fiha jinduna li l-affarijiet jeħtieg li jsiru dejjem b’mod professjonali u b’responsabbiltà’,” kompla s-Segretarju Parlamentari. Hu żied li huwa għal dan l-għan li, bħala gvern, ħdimna biex nagħmlu dan il-pass li jagħti rikonoxximent lill-ħiliet tal-ħaddiema, li mingħajrhom l-istess industrija ma teżistix.

“Minn meta tnediet l-awtorità, il-fergħa eżekuttiva ma tilfitx iż-żmien u għalhekk bdiet tfassal l-identità tal-awtorità, il-viżjoni tagħha, u l-istrateġija lejn it-trasformazzjoni tas-settur. Flimkien mal-istrateġija, hemm pjan ta’ azzjoni ambizzjuż li għandu l-għan li jwassal bosta fronti fi proċess strutturat u mqassam. L-istrateġija hija bbażata fuq iż-żieda tal-istandards permezz ta’ regolamenti ġodda u aġġornati, kif ukoll inizjattivi edukattivi, speċjalment dawk relatati ma’ suġġetti vokazzjonali. Il-kompetenzi tal-awtorità fl-aħħar mill-aħħar għandhom jiffokaw fuq il-bini nnifsu inkluż il-prestazzjoni tiegħu, fil-kuntest ġenerali tas-sostenibbiltà, l-ambjent u t-tibdil fil-klima. Fl-aħħar mill-aħħar, l-awtorità għandha l-għan li tkun il-katalista għat-trasformazzjoni tas-settur, bl-industrija nnifisha ssir is-sewwieq biex tmexxi l-bidla u tieħu l-opportunitajiet li għandha quddiemha u li essenzjalment għandhom iwasslu għal bini aħjar u kwalità ta’ ħajja aħjar,” qal il-Kap Eżekuttiv tal-BCA Karl Azzopardi. 

Kuntratturi huma mħeġġa jidħlu fil-website tal-BCA https://bca.org.mt/registration-for-licensing sabiex jirreġistraw.

Sport