Raġel ta’ 30 sena residenti Ħal Qormi ġie arrestat b’rabta ma’ feriment li seħħ ilbieraħ għall-ħabta tas-7.30p.m., fi Triq il-Wied, Birkirkara.
Minn stħarriġ preliminari tal-Pulizja fuq il-post irriżulta li raġel ta’ 27 residenti l-Imsida kien sofra ġrieħi kkawżati minn arma taqta’ u bil-ponta waqt argument. Raġel ieħor li allegatament kien involut fl-argument ħarab minn fuq il-post.
Il-vittma ngħata l-għajnuna minn tim mediku u ttieħed l-Isptar Mater Dei b’ambulanza. Aktar tard huwa ġie ċċertifikat bi ġrieħi gravi.
Aktar investigazzjonijiet mill-Pulizija waslu sabiex matul il-lejl ġie arrestat ir-raġel ta’ 30 sena u qed jinżamm fil-lock-up fil-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija fil-Floriana.
Bil-każ ġie infurmat il-Maġistrat tal-Għassa Victor Axiaq li ħatar inkjesta.
Il-Pulizija għaddejja b’aktar investigazzjonijiet.