Raġel ġie arrestat fl-Indja dwar il-qtil ta’ mara żagħżugħa, li kienet instabet bla ħajja f’bajja tropikali fit-Tramuntana tal-Awstralja erba’ snin ilu.
Il-katavru ta’ Toyah Cordingley ta’ 24 sena, instab f’Ottubru tal-2018 wara dak li ġie msejjaħ bħala “attakk brutali u sadistiku.”
Aktar kmieni dan ix-xahar, il-Gvern ta’ Queensland offra A$1 miljun lil kull min jgħaddi informazzjoni dwar id-delitt. Dan wassal għall-arrest ta’ Rajwinder Singh, li se jkun akkużat bil-qtil ta’ Toyah.
Il-Pulizija ta’ Queensland qalet li huwa kien arrestat f’Delhi minn uffiċjali Indjani l-Ġimgħa u dalwaqt mistenni jaffaċċja seduta fil-Qorti dwar l-estradizzjoni tiegħu. Imbagħad huwa se jinġieb l-Awstralja biex jaffaċċja proċeduri kriminali.