Wednesday, April 24, 2024

DIBATTITI POLITIĊI MIFTUĦA

Alfred Sant
Alfred Sant
Membru Parlamentari Ewropew

Aqra wkoll

Prattika politika li ntilfet matul is-snin hi dik ta’ dibattiti interni fil-miftuħ li jżommu partiti politiċi. Niftakar imgħoddi – imma kien kważi qabel iż-żmien li fih bdejt inkun attiv sew fil-ħajja politika – meta l-prattika kienet per eżempju, li kumitati tal-partit jippublikaw u jressqu mozzjonijiet għad-diskussjoni quddiem il-konferenzi distrettwali u ġenerali. Fihom kien ikun hemm proposti ta’ ħidma ġdida jew għal emendi f’politika għaddejja.

Kien ikun hemm min jitkellem favur u  min kontra. Mhux dejjem maġġoranza kienet tieħu linja li l-mexxejja tal-partit xtaqu jaddottaw. Dan kien jiġri fi ħdan iż-żewġ partiti l-kbar u li jqumu xi diverġenzi interni kienet mitqiesa bħala ħaġa naturali

Matul is-snin, dibattiti ta’ dat-tip  – meta u jekk isiru – jiġru fil-magħluq u fil-fatt l-anqas ikunu miftuħa għall-membri jew delegati kollha tal-partiti. Dawn jiġu preżentati bi stqarrijiet lesti, kemm jivvotaw favurihom. Bil-mod il-mod, il-laqgħat politiċi tal-partiti spiċċaw dominati mit-teknika tar-relazzjonijiet publiċi.

Żvilupp pożittiv? Negattiv? Diffiċli tiġġudika… 

TUMAS U L-ABORT

Niskanta b’kemm l-argument kontra li l-abort jiġi legalizzat jissejjes ta’ spiss fuq bażi reliġjuża li donnha trid lil wieħed jifhem li qed jiġu mistqarra prinċipji assoluti. Jiġiferi nifhem jien – prinċipji li dejjem kienu hemm u li dejjem se jibqgħu hemm għax maħruġa b’divjet divin.

Mentri mhux hekk, anke minn din il-perspettiva.  San Tumas ta’ Akwina, meqjus bħala duttur tal-liġijiet Kattoliċi kellu dan xi jgħid dwar l-abort: Li sa sitt xhur  ta’ tqala, abort kellu jitqies l-aktar bħala dnub venjali, peress li matul daż-żmien, ir-ruħ tkun għadha ma ffurmatx fil-ġisem. Sal-lum għadni ma smajtx spjega plawsibbli ta’ kif dil-pożizzjoni ta’ San Tumas hi koerenti mal-argumenti assoluti kontra l-abort imsejsa fuq domma reliġjuża.

XEWQA TA’ MEWT

Partit li jinħass li għandu xi qasma fih, żgħira kemm tkun żgħira, jġorr ġerħa li hi elettoralment perikoluża. Naf dan mill-esperjenza personali wkoll.

Għalhekk ma nistax nifhem kif ġimgħa wara l-oħra, esponenti fdati jew li kienu fdati tal-Partit Nazzjonalista jibqgħu jagħmlu stqarrijiet li jikkonfermaw id-diżgwid bejniethom jew ma’ min qed imexxihom. Nifhem li jagħrfu kif waqt li jagħmlu hekk, x’se jkunu l-konsegwenzi tal-aġir tagħhom. Mhux biss iżidu l-isfiduċja bejniethom fil-“quċċata” tal-partit, imma fost anke l-militanti l-aktar dedikati. Aħseb wara fost l-elettorat ġenerali.

U mid-dannu politiku li jkun qed isir se jbatu mhux biss il-mexxejja attwali imma l-istess uħud li bl-istqarrijiet li jagħmlu jkunu qed jikkawżawh. Dil-problema tant ilha għaddejja fil-PN li wieħed jibda jissuspetta li l-partit inħakem minn xewqa kollettiva għal suwiċidju. 

Sport